Għalkemm pajjiżna hu pajjiż żgħir, hu għandu identita’ sħiħa fil-biċċa l-kbira tal-oqsma tal-ħajja; u xejn inqas fil-qasam mużikali. Il-pajjiż wiret u qed jitħabat li jkabbar il-mużika tipika tiegħu, li tirrifletti l-ħajja sħiħa tal-poplu tagħna u ta’ dak kollu li jiġri madwarna. Għal dan il-għan fuq quddiem nett insibu l-ħidma għal aktar minn 40 sena ta’ dawk kollha li jorganizzaw u jipparteċipaw fl-Għanja tal-Poplu.
Il-ħsieb għall- 40 edizzjoni hu li nsaħħu l-preżenza ta’ gruppi li b’mużika ‘live’ u b’kanzunetti oriġinali, preferibilment maħsuba għal kollox minnhom, kemm fil-kliem, fil-mużika u fl-interpretazzjoni. Kanzunetti li ikellmuna bi kliem ġdid, kuraġġuż u attraenti fuq is-sitwazzjonijiet, li dejjem qed jevolvu b’ritmu imgħaġġel, li fihom qed issib ruħha l-umanita’, b’mod speċjali niesna u pajjiżna.
L-Għanja tal-poplu jipprova jressaq ‘il quddiem il-preżentazzjoni mużikali
ta’ gruppi. Dan bl-ebda mod ma jsarraf fi preġudizzju għall-parteċipazzjoni ta’ solisti. Fl-aħħar mill-aħħar il-festival jagħżel l-għanja rebbieħa irrespettivament minn min ikantha.
Huwa l-għan tal-organizzaturi li jiġbdu l-attenzjoni tal-awturi u kompożituri dwar il-kompetizzjoni żbilanċjata li l-kanzunetta Maltija għandha ma’ kant ieħor ġej minn pajjiżi li jiddominaw il-midja. Dan bil-għan li jsir iktar sforz biex tittejjeb il-kanzunetta Maltija.
Matul is-snin il-festival evolva minn festival bejn il-ħbieb, għal festival fuq livell nazzjonali; minn Festival bil-vuċi u bil-kitarra,
għall-festival b’mużika diġitali. Dan l-aħħar il-festival qed imur
kontra l-kurrent tal-akkumpanjament irrekordjat, u qed jitlob aktar
impenn mill-parteċipanti għax fl-Għanja tal-Poplu, jinterpretaw u
jakkumpanjaw il-kanzunetti tagħhom stess b’mod live. B’hekk il-festival
barra kantanti qed jinvolvi wkoll is-sehem ta’ ħafna mużiċisti.
Wara l-esperjenza tal-aħħar snin il- kumitat organizzattiv jixtieq li fil-festival jkun hemm hemm iktar kanzunetti li jesprimu l-pożittiv u l-gost tal-ħajja. Ifakkar wkoll li filwaqt li joffri premju speċjali għall-kanunetta bl-aħjar tema soċjali, il-kompożituri għandhom il-liberta’ li jiktbu fuq dak kollu li jixtiequ.
Din is-sena L-Għanja tal-Poplu qed jaħdem id f’id maċ-Ċentru għal-kreattivita’ biex itella’ l-40 edizzjoni ta’ dan il-festival. Hemm il-possibilita’ li l-festival isir f’Mejju, imma id-data u l-post flimkien mar-regolamenti jitħabbru hekk kif kollox ikun ikkonfermat.
L-organizzaturi ta’ L-Għanja tal-Poplu ser ikunu qed jilqgħu s-suġġerimenti tal-parteċipanti u s-segwaċi ta’ dan il-festival.