George Cassar għadu kif temm b’suċċess il-kors ta’ B.A. (Unuri) fil-Malti. Huwa ppreżenta kopja tat-teżi tiegħu lill-għaqda tal-Għanja tal-Poplu.
It-teżi ta’ George Cassar jisimha ‘L-iżvillup Tal-Kanzunetta Maltija B’Tema Soċjali (B’Analiżi tar-Repertorju tal-Kantawtur Walter Micallef)’. It-tama tal-awtur hija li jikxef il-preġju tal-kanzunetta Maltija u jgħin biex jitqajjem iktar interess f’dan il-ġeneru lokali. B’hekk l-għanja Maltija ma tibqax titqies ta’ livell dilettantesk imma tingħata l-ġieħ li tassew jixirqilha u tikseb ir-rispett ta’ udjenza usa’ u ta’ min hu responsabbli li jinvesti fiha kemm biex tiġi kkonservata kif ukoll biex tissaħħaħ.
L-ewwel kapitlu ta’ din it-teżi jitratta l-iżvilup tal-kanzunetta Maltija b’tema soċjali. It-tieni kapitlu huwa analiżi dettaljat tar-repertorju ta’ Walter Micallef.
Il-kumitat L-Għanja tal-Poplu jirringrazzja lil George Cassar għal kontribuzzjoni pożittiva li ta lil kanzunetta Maltija permezz tar-riċerka tiegħu. Min jinteressa ruħu fil-kanzunetta Maltija żgur isib din it-teżi bħala waħda interessanti Nawgurawlu kull suċċess fit-tkomplija tal-istudju tiegħu.