L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ 2019 (5 Edizzjoni)

Linja Gwida

Niżżel Linja Gwida GħTP-Ż 2019- PDF

Niżżel Formola tal-Applikazzjoni GħTP-Ż 2019 –  Word doc

  1. IL-FESTIVAL

1.1 L-Għanja tal-Poplu – Żgħażagħ huwa festival ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti interpretati miż-żgħażagħ u akkumpanjati live.

Il-festival hu organizzat mill-kumitat L-Għanja tal-Poplu flimkien mal-Kulleġġ San Benedittu bis-sapport tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Akkademja tal-Malti u Aġenzija Żgħażagħ. Il-Malta Concert Orchestra  ta’ Pjazza Teatru Rjal qed toffri grupp ta’ mużiċisti li ser jakkumpanja l-kanzunetti taħt id-direzzjoni ta’ Mro Paul Abela u Mro Joe Brown,  b’ħidma id f’id mal-kompożituri tal-kanzunetti finalisti.

L-Għanja tal-Poplu hija megħjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti – Cultural Partnership Agreement .

1.2  L-għanijiet ewlenija tal-festival huma li:

  • Nagħtu opportunità liż-żgħażagħ li jattendu l-iskejjel medji u sekondarji li jipparteċipaw f’festival li fih jesprimu l-aspirazzjonijiet, il-ħolm u l-esperjenzi tagħhom; ħaġa li mhux possibbli fil- festival l-Għanja tal-Poplu għax il-parteċipanti irid ikollhom ’il fuq minn 16-il sena;
  • Ninkoraġixxu liż-żgħażagħ biex jinteressaw irwieħhom fil-kitba oriġinali u fl-interpretazzjoni tal-kanzunetta Maltija ta’ kwalità;
  • Noħolqu apprezzament tal-kanzunetta Maltija fost iż-żgħażagħ u l-pubbliku inġenerali;
  • Noħolqu opportunità biex awturi u kompożituri jaħdmu mill-qrib maż-żgħażagħ biex jiktbu u jikkomponu kanzunetti bl-ilsien Malti;
  • Noħolqu opportunità biex il-kanzunetti ppreżentati fil-festival jitwasslu lill-pubbliku Malti, u anke wara l-festival isibu udjenza dejjem ikbar.
  1. IL-KANZUNETTI

2.1 Biex jidħlu għall-festival, il-kanzunetti jridu jkunu:

  1. oriġinali f’dik li hi mużika;
  2. li qatt ma ġew imxandra jew ippubblikati fuq CD;
  3. bl-lirika oriġinali;
  4. kantati bil-Malti bil-kliem jinftiehem;
  5. mhux itwal minn tliet minuti;

2.2 It-tema tal-kanzunetta hija libera, jiġifieri tista’ tittratta kull suġġett.

Infakkru li dan il-festival jinkoraġixxi l-kitba ta’ kanzunetti li jesprimu l-esperjenzi, il-gosti, ix-xewqat, ir-relazzjonijiet u l-aspirazzjonijiet kemm personali, kif ukoll kollettivi, taż-żgħażagħ.

2.3 L-istil mużikali tal-kanzunetti huwa liberu.

2.4 Il-kanzunetti ser jiġu ġġudikati skont il-kliem u l-mużika u r-rabta ta’ bejniethom.

2.5 Persuni involuti fl-għażla tal-kanzunetti kif ukoll id-diretturi tal-orkestra ma jistgħux ikollhom sehem fil-produzzjoni ta’ kanzunetti li ser ikunu sottomessi fil-festival.

2.6 L-istess kompożitur u awtur flimkien, ma jistax ikollhom iktar minn żewġ kanzunetti fis-serata finali.

  1. IS-SOTTOMISSJONI TAL-KANZUNETTI

3.1 Tista’ tiġi ppreżentata iktar minn kanzunetta waħda għall-eliminatorja.

3.2 Il-kanzunetta trid tkun irrekordjata fuq CD. Il-kliem għandu jkun jinftiehem u l-melodija tkun tirrifletti kif ser tkun akkumpanjata l-kanzunetta fl-istadju finali.

3.3 Għal kull kanzunetta jrid jiġi ppreżentat envelop A4 separat li jkun fih:

(a) rikording tal-kanzunetta fuq CD, li fuqha jkun hemm miktub biss l-isem tal-kanzunetta, bi

Track 1. Il-Kanzunetta – Mużika u kant

Track 2. Il-Backing tal-kanzunetta biss, li jista’ jinkludi l-backing vocals.

(Il-materjal kollu inkluż CDs ma jingħatawx lura. Il-parteċipanti għandhom jżommu kopja.)

(b) għaxar kopji tal-lirika, miktuba b’Malti tajjeb.

(ċ)  l-applikazzjoni għall-parteċipazzjoni, mimlija mill-parteċipanti, iffirmata mill-awtur u l-kompożitur, u l-isem tal-iskola medja jew sekondarja tal-kantanti.

(d) kontribuzzjoni ta’ €50

(Tistatingħata riduzzjoni f’każ li jkun ippruvat li hemm diffikultà finanzjarja.)

3.4 L-envelops tal-kanzunetti jintlaqgħu fl-uffiċċju tal-Għanja tal-Poplu, 227 Triq il-Merkanti, il-Belt, it-Tlieta 27 ta’ Novembru 2018 mill-10:30 san-12:30 u mill-17:00 sat-20:00.

  1. L-ELIMINATORJA

L-għażla tal-kanzunetti rebbieħa tikkonsisti fi tlett fażijiet:

  • l-ewwel fażi hija l-eliminatorja fejn jintgħażlu is-semi finalisti;
  • it-tieni fażi fejn jinstemgħu s-semi-finalisti jkantaw live biex minnhom jintagħżlu l-finalisti.
  • il-fażi finali, fejn jinstemgħu l-kanzunetti finalisti, u jitħabbru r-rebbieħa.

4.1        L-ewwel ġurija li ser tgħażel il-finalisti tkun magħmula minn persuni kwalifikati  fil-lirika, fil-mużika jew  persuni li kapaċi jiġġudikaw kanzunetti bil-Malti.

4.2        Il-ġurija tiġġudika qabelxejn il-kwalità tal-lirika u l-melodija tal-kanzunetti u r-rabta ta’ bejniethom.

  1. IL-FAŻI FINALI

 5.1 Kull  interpretu ta’ kanzunetta ppreżentata fis-serata finali tal-festival irid/trid ikun/tkun jattendi/tattendi skola medja jew sekondarja (Form 1 sa Form 5 ) .

5.2 Fis-serata finali kantant/a jew grupp jista’/tista’ jinterpreta/tinterpreta sa żewġ kanzunetti. Kantant li jgħaddulu żewġ kanzunetti għall-finali jista’ jekk irid jitlob li l-kanzunetta tkun interpretata minn kantant/a ieħor/oħra.

5.3 Fis-serata finali, grupp ta’ mużiċisti mill-Malta Concert Orchestra ser jakkumpanja l-kanzunetti. Id-diretturi tal-orkestra, Mro Paul Abela u Mro Joe Brown ser joffru li jagħmlu l-arranġamenti mużikali għal kull kanzunetta bi ftehim mal-kompożitur tal-kanzunetta. Dan ser isir mingħajr ħlas.

5.4 Fi zmien ħmistax minn mindu jitħabbru l-finalisti, l-kompożitur tal-kanzunetta jrid

jew (a) jipprovdi l-piano score tal-kanzunetta lill-organizzaturi,

jew (b) jipprovdi arranġament mużikali għall-orkestra bi ftehim mad-diriġenti tal-orkestra.

5.5  Jekk il-parteċipanti jħossu l-bżonn, jistgħu jipprovdu xi strumenti addizzjonali a spejjeż tagħhom, u bi ftehim mad-diretturi tal-orkestra. Dan irid isir bl-approvazzjoni tal-organizzaturi li jaraw li kollox ikun teknikament possibbli.

5.6  Il-backing vocals jipprovduhom il-parteċipanti. Permessi sa erba’ backing vocals jekk ikun hemm bżonn.

5.7   Kanzunetta li tkun intgħażlet bħala finalista ma tistax tiġi rtirata mis-serata finali jew mis-CD uffiċjali tal-festival.

  1.  APPUNTAMENTI 
 2 ta’ Ottubru 2018 Ippubblikata l-Linji Gwida
Matul Ottubru 2018 Jitwieġbu mistoqsijiet fejn hemm diffikultà. Ir-risposti jkunu ppubblikati fuq is-sit www.ghanjafest.com
Il-Tlieta, 27 ta’ Novembru 2018 Jintlaqgħu l-applikazzjonijiet u l-kanzunetti
Bidu ta’ Diċembru 2018 Jintagħżlu is-semi finalisti
It-Tnejn fl-għaxija, 10 ta’ Diċembru 2018 Jinstemgħu il-kanzunetti magħżula interpretati live biex minnhom jintgħażlu il-finalisti
Bidu ta’ Jannar 2019 Laqgħa informattiva mal-finalisti.
Photo u video session.
It-Tlieta, 15 ta’ Jannar 2019 Jinġabru  r-recordings finalizzati għas-CD tal-festival.
11 sa 13 ta’ Marzu  2019, filgħaxija provi mal-orkestra (filgħaxija)
Il-Ħamis,14 ta’ Marzu 2019, filgħaxija Prova Ġenerali
Il-Ġimgħa,15 ta’ Marzu 2018 fil-11am L-ewwel parti tal-finali quddiem udjenza ta’ żgħażagħ mill-iskejjel.
Il-Ġimgħa,15 ta’ Marzu 2018 filgħaxija Serata finali miftuħa għall-pubbliku. Ġurija professjonali flimkien ma’ ġurija żagħżugħa

6.2 Min se jieħu sehem fil-festival irid ikun lest li jattendi għall-provi u s-serati finali.

  1. IS-SERATI FINALI  

7.1 Il-kanzunetta li titkanta fil-finali trid tkun l-istess kanzunetta, fil-lirika u l-melodija, li tkun ġiet ippreżentata fl-eliminatorja. Korrezzjonijiet u titjib tal-kanzunetta, jistgħu jsiru wara l-ewwel eliminatorja  bl-approvazzjoni tal-kumitat organizzattiv.

7.2 Filwaqt li wieħed għandu jippreżenta u jinterpreta l-kanzunetta bl-iktar mod xieraq għas-suġġett, ta’ min ifakkar li l-esaġerazzjoni fil-moviment, fl-ilbies, fiż-żfin, fil-mima, eċċ. tista’ taljena l-attenzjoni tal-udjenza mil-lirika u l-melodija, li huma l-qofol tal-kanzunetta. Għaldaqstant mhux permessi gruppi taż-żfin jew atturi waqt il-kanzunetti.

Importanti li l-kliem jiftiehem waqt il-kant u li  l-kantant jwassal il-messaġġ tal-kanzunetta.

7.3 Il-ġurija fis-serati finali tkun magħmula minn persuni esperti fil-lirika, fil-mużika jew fit-tnejn, flimkien ma’ ġurija zgħażugħa fl-età.

7.4 Il-provi u l-finali tal-festival ser isiru fi-teatru tal-Kulleġġ San Benedittu.

  1. IL-PREMJIJIET  

Il-premijiet jinkludu

  • Rikonoxximent lill-finalisti li ħadu sehem fil-festival.
  • Trofew lir-rebbieħa/a kategorija 11-12-il sena
  • Trofew lir-rebbieħa/a kategorija eta’ 13 sa 16-il sena.
  • Trofew L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ li jingħata lill-kantant/a/i tal-kanzunetta rebbieħa u li jinżamm għal sena.
  • Opportunità ta’ promozzjoni lill-kantant/a/i tal-kanzunetta klassifikata fl-ewwel post. (Titħabbar iktar tard)
  1. IL-PUBBLIĊITÀ U S-CD TAL-FESTIVAL

9.1 Il-kanzunetti, il-parteċipanti u l-interpreti finalisti tingħatalhom pubbliċità fuq il-mezzi tax-xandir, ir-radju, it-televiżjoni u l-internet. Il-parteċipanti huma mitluba jikkoperaw kemm jistgħu mal-kumitat organizzattiv biex din il-pubbliċità tkun tista’ ssir bl-aħjar mod.

9.2 L-Għanja tal-Poplu jkollu d-dritt li jibqa’ jxandar u jippublika dawn ir-recordings. Id-drittijiet tal-kanzunetta jibqgħu tal-awtur u kompożitur.

9.3 L-organizzaturi tal-festival ikollhom id-dritt jinkludu l-kanzunetti finalisti fis-CD tal-festival u jbigħu s-CD.

  1. DEĊIŻJONIJIET FINALI

Dawn ir-regolamenti huma suġġetti għal tibdiliet mill-kumitat L-Għanja tal-Poplu.  Id-deċiżjonijiet tal-kumitat huma finali.

Il-ġurija tal-festival L-Għanja tal-Poplu – Żgħażagħ tagħti l-marki tagħha u tiddeċiedi bl-ikbar liberta’ u mingħajr indħil mill-organizzatturi.

Is-sehem tiegħek f’dan il-festival għandu jkun esperjenza pożittiva għall-karriera tiegħek. Għalhekk inħeġġuk tipparteċipa. Jekk għandek xi mistoqsija jew diffikultà, nistednuk tikkuntattjana pemezz tal-email ghanjatalpoplu@gmail.com . Min-naħa tagħna, se nżommuk aġġornat/a b’dak li jkun qed jiġri permezz tal-websajt www.ghanjafest.com u facebook: ghanjatalpoplu

Jekk għandek xi ħbieb li jista’ jinteressahom li jieħdu sehem fil-festival, ħajjarhom jipparteċipaw.

 

Linji Gwida © L-GĦANJA TAL-POPLU (2017-2019)

Il-festival qed jittella’ mill-Għanja tal-Poplu flimkien mal-Kulleġġ San Benedittu,  Pjazza Teatru Rjal, u b’kollaborazzjoni ma’ L-Akkademja tal-Malti u Aġenzija Żgħażagħ .

L-Għanja tal-Poplu hi megħjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti – Cultural Partnership Agreement.