L-GĦANJA TAL-POPLU
FESTIVAL TAL-KANZUNETTA MALTIJA
Regolamenti
Nizzel Formola tal-Applikazzjoni (word) (pdf)
Sottomissjonijiet online miftuħa sa 1 ta’ Lulju 2020
Hlas permezz tal-paypal, jew Bank Transfer, jew permezz ta’ ċekk.
© L‑Għanja tal‑Poplu 1973 – 2020 (VO/0574)
W: www.ghanjafest.com E: ghanjatalpoplu@gmail.com
H: 21683761 T: 21233893 M: 79923522
Minkejja l-pandemija l-festival L-Għanja tal-Poplu xorta ser isir imma b’format differenti.
Inħeġġu lill-artisti tal-kanzunetta Maltija joffru t-talent tagħhom minkejja s-sitwazzjoni preżenti.
1. IL‑FESTIVAL
1.1 Il‑festival L‑Għanja tal‑Poplu huwa festa ta’ kanzunetti oriġinali bil‑Malti.
L-44 edizzjoni tal-festival hi organizzata mill-kumitat L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency. L-Għanja tal-Poplu ser ikompli bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra wara li tinbidel is-sitwazzjoni preżenti.
1.2 L‑għanijiet ewlenin tal‑festival huma:
(a) li jġib ’il quddiem il‑kanzunetta Maltija ta’ kwalità;
(b) li joħloq opportunità biex il‑kompożituri u l‑awturi jwasslu l‑kanzunetta tagħhom lill‑pubbliku Malti;
(ċ) li, anke wara l‑festival, ikompli jgħin lill‑artisti Maltin isibu udjenza dejjem ikbar għall‑kanzunetta tagħhom.
1.3 Il‑festival jiżvolġi fi tliet fażijiet:
(a) l‑ewwel fażi tal‑għażla, li fiha mill‑kanzunetti kollha sottomessi jintgħażlu numru ta’ semifinalisti (bil-backing ta’ strument jew tnejn biss);
(b) it‑tieni fażi tal‑għażla, (semifinali) li fiha jinstemgħu l‑kanzunetti finalisti permezz ta’ recording b’full backing (radio version);
(ċ) il-finali – L-Għanja tal-Poplu, trasmessa fuq it-TV.
2. IL‑KANZUNETTI
2.1 Biex jidħlu għall‑festival il‑kanzunetti jridu jkunu:
(a) oriġinali, jiġifieri l‑lirika u l‑mużika tagħhom qatt ma jkunu ġew ippubblikati jew imxandra;
(b) b’lirika bil‑Malti;
(ċ) twal bejn tliet minuti u tliet minuti u ħamsa u erbgħin sekonda.
2.2 It‑tema tal‑kanzunetta hija libera, jiġifieri l-awtur jista’ jikteb fuq dak li jrid.
Dan il‑festival jinkoraġġixxi l‑kitba ta’ kanzunetti ta’ kwalità li jesprimu l-ħsibijiet, l‑esperjenzi, il‑gosti, ix‑xewqat, ir‑relazzjonijiet u l‑aspirazzjonijiet kemm fuq bażi personali, jew bħala poplu fuq din il‑gżira, jew bħala ċittadini tad‑dinja. Kanzunetti b’tema ta’ mħabba jew ħbiberija, umoristiċi, satiriċi jew trivjali, eċċetra, għandhom ukoll post f’dan il-festival.
Napprezzaw kanzunetti bi ħsibijiet sinċiera u ġenwini li jesprimu l-esperjenza tal-awtur.
2.3 L-istil mużikali huwa liberu.
Il-lingwa Maltija tadatta ruħha sew biex tkun interpretata b’diversi stili mużikali. Tajjeb għaldaqstant li wieħed jesplora idjomi u stili ġodda u innovattivi.
2.4 Dawn il-kriterji ser jintużaw mill-ġurija waqt l-aġġudikazzjoni tagħhom u għandhom ukoll jgħinu sabiex wieħed jikteb kanzunetta tajba u ta’ kwalità:
· Il-kanzunetta għandha ħsieb ċar u magħqud
· Il-kanzunetta mqassma sew f’dawk li huma versi, chorus, eċċ
· Il-kliem tal-kanzunetta jinftiehem sew
· Il-kliem iqanqal l-emozzjoni tas-semmiegħ
· Il-kliem tista’ tkantah u memorabbli
· Il-kliem imqiegħed tajjeb flimkien, u b’rima u ritmu adattati
· Il-mużika u l-melodija jżidu l-emozzjoni tal-kanzunetta
· Il-mużika żżomm lis-semmiegħ interessat u involut
· Il-kliem u l-mużika mżewġin sew flimkien
· Il-kanzunetta tesprimi t-tema b’mod frisk u ġdid
· Il-melodija hija tal-widna u tibqa’ tiftakarha
· Il-kanzunetta tappella għall-poplu
2.5 Il‑kliem għandu jkun jinftiehem u l‑akkumpanjament mużikali jkun jirrifletti l-kanzunetta kif ser tkun finalment esegwita.
2.6 Il‑kanzunetti b’tema vulgari u/jew ta’ propaganda partiġġjana ma jiġux aċċettati.
2.7 Persuni involuti fl-organizzazzjoni tal-festival ma jistax ikollhom sehem fil-produzzjoni ta’ kanzunetti li ser ikunu sottomessi fil-festival.
3. IS-SOTTOMISSJONI TAL‑KANZUNETTI
3.1 Is-sottomissjonijiet din is-sena jistgħu jsiru online minn fuq is-sit www.ghanjafest.com. L-applikazzjonijiet għandhom jaslu sal- Sal-Erbgħa, 1 ta’ Lulju 2020.
F’każ ta’ diffikultà ta’ sottomissjoni permezz tal-internet, ikkuntatjana fuq 99882646.
3.2 L-applikazzjoni ta’ kull kanzunetta tinkludi:
(a) kanzunetta bil-vuċijiet akkumpanjata minn mhux aktar minn żewġ strumenti;
(b) dokument word bil‑lirika tal-kanzunetta;
(ċ) scan (pdf jew jpg) tal‑applikazzjoni għall‑parteċipazzjoni, mimlija mill‑parteċipanti, iffirmata mill-awtur u l-kompożitur;
(d) ħlas ta’ €50 (permezz ta’ PayPal) ma’ kull kanzunetta li tikkwalifika lill-parteċipanti jkunu membri tal-għaqda L-Għanja tal-Poplu, u b’hekk jipparteċipaw fil-festival u jkunu mistiedna għal attivitajiet oħra.
4. L-ELIMINATORJI
4.1 Il‑ġurija tal‑ewwel eliminatorja ser tiġġudika u tagħmel enfasi qabelxejn fuq il‑kwalità tal‑lirika kif ukoll il‑melodija tal‑kanzunetti u r‑rabta ta’ bejniethom. F’dan l-istadju mhux mitlub recording demo ta’ kwalità professjonali peress li l-attenzjoni tingħata lil-lirika u lill-melodija.
4.2 Fl-ewwel eliminatorja, il-ġurija tagħżel numru ta’ kanzunetti semifinalisti minn fuq ir-recording. F’dan ir-recording tul l-ewwel eliminatorja, irid ikun hemm biss il-vuċijiet u mhux iktar minn żewġ (2) strumenti. F’dan l-ewwel stadju, il-punti li ser jingħataw lil-lirika ser ikollhom aktar piż.
4.3 Fit-tieni fażi (semifinali), il-kanzunetti ser ikunu ġġudikati fuq il-kanzunetta radio version (mp3) li trid tintbagħat sas-27 ta’ Lulju.
4.4 Kull kantant/a jista’ jkanta kanzunetta waħda biss fis-semifinali. Fil-każ li kantant ikollu sehem f’iktar minn kanzunetta waħda, jiġi mitlub li jagħżel kanzunetta minnhom, filwaqt li l-awtur u l-kompożitur tal-kanzunetta l-oħra jiġu mitluba jsibu kantant ieħor.
4.5 L-għażla tal-kanzunetti finalisti ser tkun f’żewġ stadji. L-ewwel tmienja li jkunu ġabu l-ogħla total ta’ punti u t-tmienja l-oħra b’votazzjoni mill-istess ġurija.
4.6 Kanzunetta li tkun intgħażlet bħala finalista ma tistax tiġi rtirata mis‑serata finali jew mill-pubblikazzjoni uffiċjali tal‑festival.
5. IL‑FAŻI FINALI
5.1 Kull parteċipant ta’ kanzunetta ppreżentata fis‑serata finali tal-festival għandu jkollu/ha sittax‑il sena jew iktar sal-1 t’Awwissu 2020.
5.2 Wara li jitħabbru l-kanzunetti finalisti, il-kantanti jieħdu sehem fi ġbid ta’ vidjows tal-kanzunetta tagħhom kif ukoll promozzjoni tal-festival.
6. L-APPUNTAMENTI
Sal-Erbgħa, 1 ta’ Lulju 2020 Jintlaqgħu l-applikazzjonijiet tal-festival online matul Ġunju 2020, ara www.ghanjafest.com IPPARTEĊIPA .
Sat-Tnejn, 13 ta’ Lulju 2020 Jitħabbru l-kanzunetti semifinalisti
Sat-Tnejn 20 ta’ Lulju 2020 Jintbagħtu r-radio versions (mp3) tal-kanzunetti
It-Tnejn, 27 ta’ Lulju 2020 Jitħabbru l-finalisti
Mis-27 ta’ Lulju 2020 Jibdew jinġibdu l-vidjows ta’ dawk li jkollom il-kanzunetta finalizzata
Sal-Ħamis, 6 ta’ Awwissu 2020 Jintbagħtu r‑recordings finali (wav format) għall-pubblikazzjoni tas-CD
Għall-aħħar ta’ Settembru Il-Festival jintwera fuq it-TV u jitħabbru r-rebbieħa
7. IS‑SERATA FINALI
7.1 Il‑kanzunetta li titkanta fil‑finali trid tkun l‑istess kanzunetta, fil‑lirika u l‑melodija, li tkun ġiet ippreżentata fl‑eliminatorja. Korrezzjonijiet wara l‑eliminatorja jistgħu jsiru bi ftehim mal‑kumitat organizzattiv.
7.2 Filwaqt li wieħed għandu jippreżenta u jinterpreta l‑kanzunetta bl‑iktar mod xieraq għas‑suġġett, ta’ min ifakkar li l‑esaġerazzjoni fil‑moviment, fl‑ilbies, fiż‑żfin, fil‑mima, eċċ. tista’ taljena l‑attenzjoni tal‑udjenza mil‑lirika u l‑melodija, li huma l‑qofol tal‑kanzunetta.
8. IL‑PREMJIJIET
8.1 Il-premjijiet għall-kanzunetti kklassifikati fl‑ewwel tliet postijiet jikkonsisti f’:
· €1500 lill‑kanzunetta kklassifikata fl‑ewwel post rebbieħa ta’ L-Għanja tal-Poplu;
· € 800 lill‑kanzunetta kklassifikata fit‑tieni post;
· € 500 lill‑kanzunetta kklassifikata fit‑tielet post.
8.2 Il-kantanti tal-kanzunetti rebbieħa jingħataw trofew. L‑awtur u l‑kompożitur tal‑kanzunetta rebbieħa fl-ewwel post jingħatalhom trofew kull wieħed u t‑trofew L‑Għanja tal‑Poplu li jinżamm sal‑edizzjoni tal‑festival ta’ wara.
8.3 Ir‑rikonoxximenti jinkludu wkoll:
· trofew lill‑kantant/a jew grupp bl‑aħjar interpretazzjoni vokali;
· trofew għall‑aħjar tema soċjali tal-kanzunetta;
· trofew għall-aħjar kantawtur jew grupp bl-aħjar kanzunetta*
(*Għall-iskop ta’ dan il-festival KANTAWTUR tfisser “persuna /grupp li jinterpreta kanzunetta bi kliem u mużika tal-persuna / grupp stess”
9. IL‑PUBBLIĊITÀ U S‑CD TAL‑FESTIVAL
9.1 L-Għanja tal-Poplu jżomm id‑dritt li jxandar u jippubblika l-kanzunetti u r-recordings tal-festival għal skop ta’ promozzjoni.
Id‑drittijiet tal‑kanzunetta jkunu tal-Għanja tal-Poplu flimkien mal‑awturi u kompożituri. F’każ li kanzunetta tkun imxandra jew ippubblikata, għandu jingħata credit lill-Għanja tal-Poplu.
9.2 Bħal kull sena, il‑kumitat tal‑festival jippubblika CD uffiċjali tal‑festival bil‑kanzunetti finalisti kollha. Ir‑recording finali ta’ dawn il‑kanzunetti jrid ikun lest sal-Ħamis, 6 ta’ Awwissu 2020.
9.3 L‑organizzaturi tal‑festival ikollhom id‑dritt jinkludu l‑kanzunetti finalisti fis‑CD tal‑festival u jbigħu s‑CD.
10. NOTA FINALI
Dawn ir‑regolamenti huma suġġetti għal tibdiliet mill‑kumitat L‑Għanja tal‑Poplu. Id‑deċiżjonijiet tal‑bord tal-Għanja tal-Poplu huma finali.
Is‑sehem tiegħek f’dan il‑festival għandu jkun esperjenza pożittiva għall‑karriera tiegħek. Għalhekk inħeġġuk tipparteċipa. Jekk għandek xi mistoqsija jew diffikultà, nistednuk tikkuntattjana permezz tal-email ghanjatalpoplu@gmail.com. Min‑naħa tagħna, se nżommuk aġġornat/a b’dak li jkun qed jiġri permezz tas-sit www.ghanjafest.com u facebook: ghanjatalpoplu
Jekk għandek xi ħbieb li jista’ jinteressahom li jieħdu sehem fil‑festival, ħajjarhom jipparteċipaw.
F’każ ta’ diffikultà, mistoqsijiet ibgħat email fl-indirizz ghanjatalpoplu@gmail.com
© L-GĦANJA TAL-POPLU (2020)