Mark Tonna - L-Għanja tal-Poplu





Mark Tonna

Diskografija

Ara wkoll

Mark Tonna beda l-karriera mużikali tiegħu meta kellu ħdax-il sena, fejn ma' sħabu tal-iskola kienu ffurmaw kor u grupp bil-kitarri għal waqt il-quddiesa. Minn hemm Mark għaqqad l-ewwel grupp pop. Imbagħad wara, kien għamel parti minn diversi rock bands, sakemm fl-1993 iddeċieda li jmur solista.

Ħa sehem f'diversi musicals kemm lokali kif ukoll barranin. Fl-1996 ħareġ l-ewwel CD tiegħu bl-isem "Before My Eyes". Huwa kkompona l-mużika u kiteb il-kliem ta' disgħa mit-tnax-il diska li fih l-album. Fl-istess sena huwa ikkompona l-mużika tal-ewwel musical tiegħu, "Jisimni Katarina". Mark kiteb kemm il-kliem kif ukoll il-mużika tat-tieni musical, "Mill-Jasar għall-Qawmien".

Huwa ħa sehem f'diversi festivals fosthom il-Kanzunetta għall-Ewropa, Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija, u L-Għanja tal-Poplu, festival li fih Mark rebaħ bil-kompożizzjoni ta' Rene Mamo, "Allerġija Għall-Bnedmin". Huwa ħa sehem ukoll fil-festival Kanzunetta Indipendenza. Il-talenti ta' Mark marru wkoll barra minn xtutna fejn Mark kanta ġewwa t-Tuneżija, Sqallija, Dubai, ir-Renju Unit, u l-Bulgarija, fejn fi Frar huwa rrappreżenta lil Malta fil-Festival Discovery 1998, u rebaħ it-titlu "Best International Artistic Performance". Għar-raba' sena konsekuttiva Mark kien innominat fil-kategorija "Best Male Singer" fil-Malta Music Awards.

Il-passatemp favorit ta' Mark wara l-mużika huwa l-baħar, u forsi għalhekk il-post favorit tiegħu fil-gżejjer Maltin huwa ż-Żurrieq. Huwa ma jħobbx, anzi jistmerr, il-murtali u l-konfużjoni.

Tliet kanzunetti Maltin li Mark għandu għal qalbu huma "L-Aħħar Bidwi f'Wied il-Għasel", "Ismagħni Ftit Ħabib", u "Ċensurati". Il-messaġġ li Mark jixtieq iwassal huwa dan: il-mużika m'għanda ebda bandiera, wisq anqas kulur. qegħda hemm biex permezz tagħha, tinxtered l-imħabba u biex wieħed jifhem lill-ieħor - għalhekk kull wieħed u waħda minna m'għandu jħalli xejn ixekkel lil dan.