Walter Micallef - L-Għanja tal-Poplu





Walter Micallef

Diskografija

Walter Micallef twieled f'Birkirkara fl-24 t'Ottubru, 1955. F'nofs is-snin sebgħin kien wieħed minn numru ta' kantawturi Maltin, li ħallew il-kant t'aljenazzjoni, li kienet 'in voga' u bdew ikantaw fuq temi skartati minn oħrajn - l-abbuż tal-poter, l-oppressjoni reliġjuża, il-burokrazija ta' l-Istat, is-sesswalità u l-qerda tal-ambjent naturali Malti.. Hu beda jieħu sehem fil-Festival tal-Y.T.C., li kien jinżamm ġewwa l-belt Valletta. Rebaħ dan il-festival l-ewwel darba fl-1979 bil-kanzunetta "Ġuvni", li kienet silta ta' protesta.

Bniedem kwiet, iħobb iżomm pass lura u l-iżvog tiegħu huwa l-mużika. Il-konfrontazzjoni ddejqu. Iħoss li qisu bħal karattru ta' Robert Louis Stevenson, dak ta' Dr. Jekyll u Mr. Hyde. Il-burdati tieghu huma espressi fil-mużika li jdoqq u jkanta. Walter huwa kantawtur li juri kemm l-għadab, kif ukoll il-ferħ. Jikteb fuq dak li jolqot lilu u lil nies ohra bħalu. Jispirawh in-niket u d-dwejjaq.