Charlene
Charlene għandha 33 sena u minn meta kienet żgħira il-ħolma tagħha kienet li tkanta – ħolma li dejjem żammet fil-kexxun sakemm 4 snin ilu ddeċidiet li tibda titgħallem il-kant taħt Pamela Bezzina. Minn dakinhar ‘l hawn qatt ma ħarset lura. Fl-2015 ħadet sehem fil-‘Euroritm Festival’ fir-Rumanija u kklassifikat fit-tielet post. Sena wara, kklassifikat fir-raba’ post fis-‘Silver Yantra Festival’ fil-Bulgaria u s-sena l-oħra ħadet sehem fil-‘Evrofest’ fil-Macedonia u rebħet il-Grand Prix – l-aktar premju prestiġġjuż tal-festival. Charlene ħadet sehem ukoll fl-aħħar edizzjoni tal-kunċert ‘Strummin’ fis-Sala ta’ Sir Temi Zammit fl-Università ta’ Malta bil-kanzunetta ‘Luce’ ta’ waħda mil-aktar artisti li tammira, Elisa. Dan huwa l-ewwel festival lokali li qed tieħu sehem fih u hija eċitata ħafna b’din il-kollaborazzjoni, u b’kanzunetta li tant hija qrib qalbha.
Il-Ħsieb tal-Kanzunetta:
NISTENNIEK hija kanzunetta li titkellem dwar ġenerazzjoni sħiħa ta’ tfal li qed iqattgħu l-isbaħ żmien ta’ tfulithom medhijin fil-‘logħob u t-televixin’ jixxenqu għall-attenzjoni, l-imħabba u l-kura tal-ġenituri tagħhom. Miktuba mill-perspettiva tat-tfal, il-kanzunetta titkellem ukoll dwar il-qawwa tal-imħabba bla kundizzjoni tat-tfal li jibqgħu ‘jistennew’ minkejja d-diżappunti ripetuti, u tintemm bil-pathos aħħari meta nindunaw illi, fuq kollox, it-tfal jitilgħu bil-ħsieb li l-ħtija hija tagħhom.