Lirika ta’ L-Għanja tal-Poplu 2023
1. Il-Baħħ u Jien – Christian Arding (Natasha Grima, Natasha Grima u Charlene Grech)
Nagħqad u ndur ma’ kull kantuniera
Inħares ’l isfel minn ġo dit-tieqa
Minn tuli fl-art mixħut fuq bankina
Forsi għal ruħi jkun hemm ftit ħniena
Min jaf?…
li kieku sibt il-wens
f’għajnejn li joffru kenn
Min jaf?.…
li kieku dan id-dmugħ
jnixxef sewwa l-ħsus
li jinfdu l-qalb bħal mus
Nimxi mitluf waħdi ġol-foresta
Issa qed jidlam ninsab mbeżżgħa
Nifsi maqtugħ iebsa wisq dil-piena
Mar-riħ nixxejjer mingħajr indiema
Ħadd ħadd ħadd…Ħadd ħadd ħadd…ma jarani
Ħadd ħadd ħadd…Ħadd ħadd ħadd…ma jismagħni
Ħadd ħadd ħadd…Ħadd ħadd ħadd…ma jagħdirni
Ħadd ħadd ħadd…Ħadd ħadd ħadd…ma jifhimni
Ħadd ħadd ħadd…Ħadd ħadd ħadd…Ħadd ħadd ħadd…ma jifhimni…
2. Ġenn Ż – JAMM Band
(Christopher Abela Mizzi u Mark Cachia)
It-terapista qaltli qed nispissja
Għalhekk jien mort fuq Google nagħmel serċ
Ġennewli moħħi fuq il-misħut TikTok
Ħa jkolli mmur nivvejpja għax ġejt żmerċ.
Sħabi kollha moħħhom fuq xi ‘start-up’
U jien hawn, nimtela bl-ansjetà
Ommi teqred sabiex nibda naħdem
Imma Fortnite u Minecraft saruli r-realtà
Tgħidlix x’għandi nagħmel,
Jien għandi d-drittijiet!
Jekk fettillek tgħidli l-kontra,
Wiċċek lest li nxandar fuq l-aħbarijiet!
Nagħmillek protesta, bojkott onesta,
U xħin titlesta, tissemma’ kullimkien
Nillegalizza, jien nilleġiżla
Malta hija tagħna, kemm aħna ferħana
Għax aħna ġenerazzjoni Żij!
Issibni ta’ kull ġimgħa nagħmel xagħri
Għax l-oroskopju qalli nagħmel hekk.
Tajtu lagħqa lewn il-qawsalla,
Inkella kif se jaqbel ma’ dal-ġlekk?
Fuq Tinder tfajt xi stampi b’sidri barra
Biex nuri kemm jien mibni u ffurmat.
U għalkemm qas ewro jiena m’għandi
Żgur xejn ma jdejjaqni, miż-żewġ sessi ttantat
It-tfajla dejqitni
Fijlings m’għadnix inħoss.
Nippreferi nibqa’ waħdi
jew niżżewweġ siġra
Il-pirmli agħtini, bħal biskuttini
Xi studju fini, missek tikteb ktieb
Prokrastinazzjoni, bla attenzjoni
Malta hija tagħna, qatt m’aħna ferħana
Nara ritratti ta’ dari
O’ xi żmien ħelu, sabiħ!
Kemm nixtieq li kont ngħixu
Però lanqas nixtieq li nkun xiħ
In-nanniet ngħidulhom il-’boomers’
Ma jafux dawn it-tablits jużaw.
Oħti miskina ‘millenial’
Dawk agħar minna sew u żgur
Moħħhom f’buthom, bla unur
Nissaltna, nikmanda, niddetta, nindanna
Għax il-vera kanna, ma jagħti kasi ħadd!
Kull oġġezzjoni, jew opinjoni
Ma rridx nisma’ t-tpatpit
Qrid jien m’għandix aptit
Għax f’ġensi ħadd ma jaf xi jrid!
Tgħidlix risponsabbli, jekk pajjiżi mhux stabbli
Ersaqli w warrabli għax mit-taġen għal ġon-nar.
F’kollox nindaħlu, biex fikom inwaħħlu
Lest li ninkuraġġik
u mbagħad ngħaddi ż-żmien bik
Malta hija tagħna, qatt m’aħna ferħana
Kulħadd jixtieq kien bħalna
Nissaltna, nikkmanda, niddetta, nindanna
Jien nilleġiżla, nillegalizza
Il-pirmli agħtini, bħal biskuttini
Nagħmillek protesta, bojkott onesta
Prokrastinazzjoni bla attenzjoni
3. Għal Xejn – Jodi Zerafa Heckenlaible
(Ian Zerafa)
Darba fost l-oħrajn
L-isfel lejn ix-xatt
Kien hemm xwejjaħ jistad
Kelb jistenna ħdejh
Bla ma jagħmel ħoss
Tgħid se jtih loqma ħobż?
Illum ix-xiħ m’għadhux hemm,
(max-xatt)
Tel’ annimal tal-konkrit
(kulur l-imrar)
Il-kelb għadu hemm
Jistennieħ, bħal qatt
Mit-trab għat-trab
Mix-xejn għal xejn
Tlifna t-triq
Minn hawn għal fejn?
Mid-dawl għad-dlam
Mix-xejn għal xejn
Tlifna t-triq
Ħarrub jilqa’ x-xemx
Kantuniera ‘l bogħod
Minn fejn hemm razzett żgħir
L-aħħar bidwi xjaħ,
Frott, tadam u bżar
Ksewlu kollox biż-żrar
Qalulu mhemmx iktar fejn,
(warrab min hemm)
Tipprovax għax għal xejn,
(taħlix hin)
Sulari fuq xulxin,
Daqt nilħqu s-smewwiet
Mit-trab għat-trab
Nifs maqtugħ, trabijiet
torrijiet kull fejn tħares
Ġol-widien, terrapien,
għasfur mejjet b’tir f’rasu
Mit-trab għat-trab
Mix-xejn għal xejn
Tlifna t-triq
Mit-trab għat-trab
4. Meravilja – Mark Spiteri Lucas u Debbie Scerri
(Emil Calleja Bayliss, Mark Spiteri Lucas)
Ħares ħarsa madwarek
imraħ lil hinn minn darek
ħielsa r-ruħ b’ferħ tibda tfur
kif tieħu dak in-nifs pur.
X’hemm isbaħ mill-apprezzament,
sabiex tgħix ħajja serena u kuntent!?
Meravilja li tifhem tkun pożittiv
donnu postok fid-dinja jsir aktar effettiv.
Meravilja fis-sbuħija tal-ħolqien
kif mill-passat qed jitfassal il-ġejjin.
Meravilja li tifhem tkun kreattiv
seħer fil-ġmiel li jagħmlek tant sensittiv.
Meravilja fl-innoċenza tan-namur
għax tul iż-żmien se jibqa’ jdakkar il-fjur.
Ilgħab logħba u ħu ċans
ħajtek dawwarha f’rumanz
minn kull irbit kun maħlul
dawwar it-tlajja’ fi nżul.
X’hemm isbaħ mill-apprezzament,
sabiex tgħix ħajja serena u kuntent!?
Meravilja li tifhem tkun pożittiv
donnu postok fid-dinja jsir aktar effettiv…
Meravilja li dil-ħajja kollha lwien
ingawduha u ngħixuha lkoll flimkien
f’dawk il-mumenti sbieħ u dawk ftit iebsin
qed isawru min aħna bħala bnedmin.
Nanana Nananana… Nanana Nananana…
Meravilja li tifhem tkun pożittiv
donnu postok fid-dinja jsir aktar effettiv…
5. Maltija – Kayley Cuschieri
(Joe Julian Farrugia, Philip Vella)
Petali ttajru minn wardiet is-sema
U sabu posthom f’ħoġor l-ilmijiet
Gżejjer għammiela f’nofs il-baħar ikħal
Taħt dwal xemxin, xhieda tal-ġrajjiet
Id-dehen qalbieni ta’ missirijietna
Kull meta waslu l-iġfna tal-ħakmiet
Ġo qalbhom fjamma f’arthom u twemminhom
Ma waqfet qatt tħeġġeġ bit-tamiet
Maltija…
Sa mill-qedem tal-imqades sbieħ ġeblija
Ġens ħawtiel li għex mill-baħar u l-ħamrija
Għal tul iż-żmien
Maltija…
Sa mill-ewwel kliem ta’ fommi fit-tfulija
Bid-drawwiet u l-ħolm li ntisġu ġewwa fija
Dal-poplu bieżel, għaxqa f’kull familja
Fehmiet diversi, imma b’għan waħdien
Li qatt ma nkunu għajb għal ta’ qabilna
Jagħtuna ħajr niesna tal-ġejjien
Mid-djar u t-toroq f’nofs il-bliet u rħula
Għas-swar qawwija tas-suldat rebbieħ
F’bajjiet u raba’ taħt is-sema safi
Tinstema’ l-ħlew t’għanja b’leħen sħiħ
6. O Żmien Ħlejju – Xelin
(Etienne Micallef, Dominic Cini)
Niftakar żmien li għeb u għosfor
Fejn konna tfal bil-wiċċ daħkan
Ħajja mhux mgħaġġla bil-logħob barra
Xi ġelat nixtru minn tal-vann
Tazza friska bir-ruġġata
Ħobża mħawra minn taż-żejt
Nofs ta’ nhar naqbżu fil-baħar
Dal-memorji qatt ma nsejt
Bi ħwejjeġ ġodda tlaqna l-festa
Xi logħba boċċi fuq il-bejt
Fil-knisja nilbsu t’abbatini
Żmien ħlejju kif lili ħallejt
Ebda mowbajl ma kien jidher
Għall-MUSEUM imur kulħadd
Għadni nxommha qisu lbieraħ
Il-patata l-forn tal-Ħadd
Illum għandhom kollox
Ma jonqoshom xejn
Qishom mhux kuntenti
Żmien li qatt ma jerġa’ jiġi
Fadal biss it-tifkiriet
Għadni nisma’ jduru f’moħħi
Baqa’ l-album bir-ritratti
Li jfakkarni f’dawk il-jiem
Kull memorja naqqaxt f’qalbi
Tibqa’ mal-medda taż-żmien
7. X’Għarukaża – Graziella u Kirsten Mifsud Schembri Vella
(Etienne Micallef, Priscilla Giordano Psaila)
X’għarukaża bint Mananni
Ħarġet tqila minn Eġizzjan
Pawlu telaq mid-dar ħalla l-martu
Biex intefa’ mas-sagristan!
X’għarukaża daħħalna l-kannabis
L-użu tagħha ġie legalizzat
Ara veru qed nimxu mal-moda
Sirna poplu mill-aktar sfrattat
Viva z-zekzik li għalih nieħdu l-ewwel
Dawk is-swaba’ malajr nippuntaw
Il-qlajjiet mal-irjieħ kif indawwru
Ta’ kull xorta lesti nivvintaw
Ħadd ma jara t-travu ġo għajnu
Ġaħan dejjem ferħan u rebbieħ
Mhux li kien fl-għeruq tagħna niftakru
Kliem ix-xiħ tajjeb li nżommu fih
Naħsbu li ħadd ma jista’ għalina
Farka, tikka fil-Mediterran
L-umilta` jeħtieġ nerġgħu niskopru
B’hekk inkunu għamilna gwadan
X’għarukaża vojta l-knejjes
Il-poplu tagħna se jsir Musulman
Jekk ordnajt take-away minn fuq mowbajl
Wara l-bieb iġibulek Indjan (jew Pakistan!)
X’għarukaża s-sewqan ġewwa t-toroq
Ħadd mhu jobdi l-iċken sinjal
Biex inħallsu l-post jew xi btala
Minn sbieħ Alla qed naħdmu daqs bagħal
Min għandu salib jew xi domna
Jekk żbalja fl-iżbarra nitfgħuh
Barrani ġie jaħdem hawn Malta
Biċ-ċiċri nħallsuh, nisfruttawh
Ħadd ma jara t-travu ġo għajnu…
Naħsbu li ħadd ma jista’ għalina…
Meta rridu ta’ nies ruħna nġibu
Tista’ tgħid għandna mitt elf difett
Imma tajjeb li f’moħħna nżommu
Ebda poplu m’hu perfett
(Ħeqq! Veru, veru imma… u ija!)
Oh oh oh oh…
Oh oh oh oh… il-Malti!
Oh oh oh oh …
Oh oh oh oh… x’għarukaża!
Ħadd ma jara t-travu ġo għajnu…
Naħsbu li ħadd ma jista’ għalina…
8. Katina – Laura Bruno
(Paul Ellul, Mark Spiteri Lucas)
Għajnejna ma jarawx kampanja tħaddar,
ma nistagħġbux bil-fjuri u bl-ilwien,
ma nifirħux bix-xemx filgħodu tielgħa,
jew f’ħin inżulha tleqq daqs in-nirien.
Ma nisimgħux l-għanjiet tal-ħlejjaq fl-ajru,
u lanqas l-għagħa tal-ħsejjes fil-belt,
ma nisimgħux il-ħoss tal-kordi jdoqqu,
li jnaqqsu l-piż tal-ħajja minn kull għelt.
Katina lkoll flimkien
Bi bżonnijiet speċjali nagħrfu naqdfu,
u l-ħajja tkompli miexja għalina wkoll,
ma naqtgħu qalbna qatt, għajnuna nsibu,
biex fl-ebda ħin ma naħtbu ma’ xi skoll.
U aħna ma npassux b’riġlejna wieqfa,
u aħna ma niġrux intajru x-xrar,
għalina s-siġġu l-kenn u t-tama tagħna,
ma nħossu l-ebda ramel, trab jew żrar.
Bl-ilwien tal-ħsieb naraw minn ġewwa fina,
bl-ilwien tal-ħsieb nisimgħu sew il-kliem,
bl-ilwien tal-ħsieb interrqu fil-mogħdija,
u nħossu fina lejl u nhar is-sliem.
9. Kreattività tal-Pastizzi – Kapitlu Tlettax u Grecia Bezzina
(Emil Calleja Bayliss u Kapitlu Tlettax, Kapitlu Tlettax)
Kreattività tal-pastizzi
ġlieda ta’ min l-aktar ħa jirsisti
l-aqwa li ħa ndaħħlu ftit flus fil-but
biex sakemm trodd salib kollox ikun komplut.
Kreattività tal-pastizzi
ġirja sħiħa hemm għal dawn l-akkwisti
nkomplu niffangaw ħa nfawru il-karus
u tal-innoċenti nimlew l-irjus.
Għadni ma nafx jekk nistax ngħid li xbajt għal kull pass illi provajt nagħmel dejjem sibt dal-ħajt u issa li kbirt donni nista’ ngħid li rrealizzajt li kont infant mhux ġgant u għalxejn kont provajt għax hawnhekk jekk bla flus int tkun meqjus bla (ooo… ooo) tini ċans ħalli nispiċċa jiena nemmen fil-valur m’hemmx għalfejn nitkellem baxx biex nipprova nimpressjonak (ejja kompli) u inti taf li dan fatt.
Anke fil-passat kienu qalu illi kien jingħad illi biex
tgħolli l-livell, ikollok tinvesti f’xi ħadd imma biss
dejjem attent li ma jimmanipulakx, jippreżentalek
id-deheb u jisraq ruħek minn taħt u xorta qatt ma fhimt
kif għal ftit flus tinbiegħ, imbagħad jgħidulek illi
l-materjal trid temmen fih jekk l-imbarazz tixtrih, ma
tinqalax mill-qiegħ
għax ir-raġuni mingħajr forza u issa fhimt minn fejn ġiet din il-…
Kreattività tal-pastizzi…
Imma f’ġieħ l-arti… dan mhuhiex kontribut,
huwa possibbli, possibbli ġie rikonoxxut?
L-aqwa li nieħdu proġett
bla ebda ħjiel ta’ rispett!
Imma f’ġieħ l-arti…min hu involut
kif hu kuntent b’li ġie servut?
L-aqwa li noffru pakkett
bla ebda ħjiel…bla ebda ħjiel…ħjiel ta’ kunċett!
Suġġett reali, isir mill-qalb jaf iqallak lira, inġorr il-piż
xejn ħafif, m’iniex ġej miċ-Ċina, prodott Malti,
Malta tagħna, b’ruħha tatni r-rima
u b’hekk nitqies bħala suldat illi jipproteġi lilha u b’lilha
nikkwota lil din il-lingwa wisq sabiħa u tersaqx lejna
b’xi pakkett ta’ kreazzjoni fqira.
Bħal ngħidu aħna folja għaġina, irkotta u marġerina,
Grez kellimhom int għax minn tilar, nagħmlu pudina.
Kreattività tal-pastizzi…
10. Għadu Ma Sarx – Kelsey Bellante
(Lon Kirkop)
Minn kemm niftakar
dejjem nafni niġri ħdejk
Hekk kif inkun ser naqa’
dejjem lilek sibt fil-viċin, tagħtini jdejk.
Kemm ġrajjiet strambi
ġraw madwarna tul il-lejl
Int irnexxielek tipproteġi lili minn dak id-dlam, bija f’idejk.
Kont għadni tifla u b’hekk ma fhimtx x’fisser il-kliem “għadu ma sarx”
Bħal ħallelin ħrabna fid-dlam tal-lejl
ħlief lili ma ħadt xejn miegħek mid-dar
Iġġebbed fija l-għassa dħalt tagħmel rapport
b’idejk iżżomm xoftejk, waqt li d-demm iċarċar
bil-mod il-mod.
Bil-ħniena tlabthom sabiex jipproteġuk
għax għal dan kollu iżjed, int ma tiflaħx
Staqsejt jekk ’il bogħod minna jistgħux għalkollox iżommuh
iżda qalulek li r-reat għadu ma sarx.
Bqajna weħidna
ngħixu f’biża’ lejl u nhar
Jivvendikana, isus warajna
Fejn l-abbuż beda jmur, mill-ħażin għall-agħar
Kont għadni tifla u b’hekk ma fhimtx kif missieri stess seta’ jasal s’hawn
Bħal żewġ ħabsin inqfilna t-tnejn id-dar
Ħlief għall-bżonn wiċċna ma xrifniex minn hawn
Mhux l-ewwel darba l-għassa dħalt tagħmel rapport
B’idejk ma wiċċek waqt li d-dmugħ iċarċar
bil-mod il-mod.
Staqsejt jekk ’il bogħod minna jistgħux għalkollox iżommuh
Iżda kellek tistenna ’l fuq minn sentejn biex jinstema l-każ.
Mill-iskola ġabruni u qaluli
Li missieri weġġgħak u qatt ma nista’ nerġa’ narak
Kont għadni tifla u b’hekk ma fhimtx
Kif is-sistema falliet u wasalna s’hawn
Spiċċajt iltiema, tlift dak kollu li kont naf
Biex sar xi ħaġa kellu jifridna għal dejjem minn xulxin ma.
Bil-ħniena kont tlabthom sabiex jipproteġuk
Kif ir-reat kien għadu ma sarx
11. Mitlufin – Janelle Rapa
(Mark Cachia, Glen Vella)
Spiss nismagħhom jgħidu, li aħna ż-żgħażagħ mitlufin
Ipinġuna bħala ngrati
U bħala razza ta’ dgħajfin
Itambrulna fuq l-istudju biex inħarsu fil-futur
Li tisgarra waqt eżami Ikun l-akbar diżunur
Biss fil-waqt li jgħidulna nħarsu ’l quddiem Minn wara daharna fuqna jingħad dan il-kliem
Mitlufin, iċċassati lejn il-mobile
Mitlufin, għax fil-mera nħarsu spiss Mitlufin, nagħmlu kollox biex nintgħoġbu Mitlufin, naħsbu dejjem fina biss
Mitlufin, wara l-materjaliżmu
Mitlufin, moħħna biss biex naħlu l-ħin
Hekk id-dinja qiegħda tħares lejna ż-żgħażagħ għax minn wara screen dawn laħqu mħallfin
Nammetti li bħaż-żgħażagħ lejn il-mobile nħares spiss
Ma jfissirx li egoista
Jien naf nagħraf il-valuri nagħraf tajjeb mill-ħażin
Ma naħdimx sabiex ningħoġob u dan tiegħi t-twemmin
Sewwa jgħidu li l-progress iġib rigress
Għax id-dinja tagħna u tagħkom mhix l-istess
Mitlufin, iċċassati lejn il-mobile…
Mitlufin, wara l-materjaliżmu…
Allura nitolbukom biex tagħtuna l-libertà
Ħalluna nurukom x’inhi l-prijorità
Li m’aħniex, Le m’aħniex, Le m’aħniex
Mitlufin, iċċassati lejn il-mobile…
Mitlufin, wara l-materjaliżmu
Mitlufin, moħħhom biss biex jaħlu l-ħin
Qed nistenna fl-aħħar tiġi l-ġurnata fejn nuruhom min kienu l-vera
Mitlufin
12. Naħdmu Flimkien – Walter Micallef u Philip Vella
(Walter Micallef, Philip Vella)
Jien Walter Micallef
B’ta’ twajjeb magħrufin,
Għaliex qalbna nagħtuha,
F’kull waqt u f’kull ħin,
Dejjem mistħi, u kemm xejn kwiet,
Sakemm bdejt nikteb, u nħarbex xi kelmiet.
Philip Vella ismi,
Mellieħi mit-twelid,
Il-kant u l-mużika minn dejjem kienu qrib,
Qatt ma ridt jew xtaqt aħjar,
nikkomponi u nirrikordja,
Ejja naħdmu fuq din flimkien,
jien insib il-melodija,
u jien inqabbel il-kliem.
Qed nieħu gost li qegħdin hawn,
Imberkin b’mumenti bħal dawn,
Poeta u kitarrist,
mhux li niltaqgħu aktar spiss.
Meta tisma’ bil-konflitti,
U gwerer bla waqfien,
Ninkwieta jekk l-umanita’,
Hix toqrob lejn it-tmiem,
Ħallik minn dawn il-ħsibijiet,
Bl-għajnuna t’Alla,
Ejja naħdmu fuq din flimkien…
Dil ħajja taf tkiddek,
Tħawdek fejn taqbad tmur.
It-tlajja’ huma wieqfa
aktar mill-qlib li jgħin fl-inżul.
Imma qatt ma qtajna qalbna b’xejn,
Insibu wens inkantaw it-tnejn.
Sakemm jibqa’ jitbissem kull semmiegħ,
Ħa jħabbat il-mewġ u jonfoħ ir-riħ.
Ejja naħdmu fuq din flimkien…
13. Mhix Imħabba – Charlene Rae
(Emil Calleja Bayliss, Mark Spiteri Lucas)
M’hemm l-ebda kliem li jingħad biex ikissrek
l-għożża fil-ġmiel tal-ħajja għandha tmissek
bil-mod ħa tibda tagħraf x’inhu r-rispett
tifhem kif int mhux sempliċiment dublett.
L-impossibbli b’mod sensibbli
tagħmlu possibbli
M’hemm l-ebda mħabba li tfisser tbatija
żomm f’moħħok int qatt m’għandek tgħix mifnija.
Mhix imħabba jekk tweġġgħek jew tikkontrollak
mill-fond ta’ qalbi jiena qed navżak.
Mhix imħabba jekk ma tafdakx u tgħir għalik
dejjem donnha lesta biex tbikkik.
M’hemm l-ebda triq li mhi se twassal imkien
iżda hemm bżonn li din infittxuha flimkien
naqbdu id f’id ħa nsibu soluzzjoni
nitgħallmu lkoll fil-pront nieħdu azzjoni.
B’sinċerità b’sens t’umiltà
m’intix proprjetà
M’hemm l-ebda mħabba li tfisser tbatija
żomm f’moħħok int qatt m’għandek tgħix mifnija.
Mhix imħabba jekk tweġġgħek jew tikkontrollak
mill-fond ta’ qalbi jiena qed navżak.
Mhix imħabba jekk ma tafdakx u tgħir għalik
dejjem donnha lesta biex tbikkik.
Mhix imħabba jekk tibża’ tkun minn vera int
jew insejt meta l-aħħar int tbissimt.
Mhix imħabba jekk f’kull sens qiegħda tittradik
u li tgħix ħajtek mhux se tħallik.
Jekk temmen li f’periklu tinsab,
jekk tibża’ li se tispiċċa taħt it-trab
mhix imħabba.
Jekk ma’ kull nifs qiegħed jumiljak,
jekk għal ġismek tħossu donnu jużak
Mhix imħabba jekk tweġġgħek jew tikkontrollak…
Mhix imħabba… Mhix imħabba!
14. Kelma Bejn Tnejn – Joseph Refalo
(Joe Julian Farrugia, Pamela Bezzina)
Ħallihom fil-bogħod id-dwal għaġġelin
ta’ belt bla mistrieħ, sulari għoljin
l-istorbju tad-daqq, il-folol u ż-żfin
bla jieqfu l-ħsejjes il-lejl sħiħ
sa ma jisbaħ mill-ġdid
warrab minnhom għal ftit…
Fuq dal-blat maħluq għalina biss
f’dir-rokna tagħna t-tnejn
Fejn ma jafna ħadd niltaqgħu spiss
ma jfixkel ħadd u xejn
Hawn imwaħħdin qed nagħtu dil-kelma lil xulxin
Tħallix ħsibijiet jisirqu das-sliem
għajnejja f’għajnejk u m’hemmx għalfejn kliem
il-ħoss tal-ilma jbus ix-xatt,
u jitgħannqu l-kewkbiet
Fuq dal-blat maħluq għalina biss
f’dir-rokna tagħna t-tnejn
Fejn ma jafna ħadd niltaqgħu spiss
ma jfixkel ħadd u xejn
Hawn imwaħħdin qed nagħtu dil-kelma llum…
F’dal-mument
xejn ma jimporta l-ġejjieni
ikunx imtaqqal jew hieni
l-aqwa l’għandna dil-ġenna tal-art…
Fuq dal-blat maħluq għalina biss
f’dir-rokna tagħna t-tnejn
Fejn ma jafna ħadd niltaqgħu spiss
ma jfixkel ħadd u xejn
Dan il-blat għalina biss u biss
ħaddieħor mnejn sa fejn?
Hawn imwaħħdin qed nagħtu dil-kelma lil xulxin
15. Monokrom – Jean Claude Vancell
(Jean Claude Vancell)
Lest li nsuq sa ħdejk illejla.
Int kemm int ’il bogħod irridek ħdejja.
Ħsiebi moħħu fik illejla.
L-aħħar kliem li għidt jidwi f’widnejja
U b’rasi fuq l-imħadda
nipprova nagħlaq għajn ma’ għajn.
Ħallini nftittxek fil-lejl tiegħi
ġo ħolma kull kulur.
Ixgħelli xemx fost is-sħab ta’ kuljum.
Pinġili l-monokrom tal-lejl skur.
Naqqax l-istilel f’sema sa ma nqum.
Lest li ngħum fil-blu llejla.
Ma nafx f’liem’ilma se npoġġi riġlejja.
Baħar kiesaħ silġ, l-arja tagħfas fil-pulmun.
Ħallini ngħum fl-ilma tiegħek, ġo ħolma, ġo ħolma.
Hawn min jgħaddasni ’l isfel, kun int li tiġbidni ’l fuq.
Ħallini ngħix fid-dinja tiegħek
ġo ħolma kull kulur.
Ixgħelli xemx fost is-sħab ta’ kuljum.
Pinġili l-monokrom tal-lejl skur
Naqqax l-istilel f’sema sa ma nqum.
Monokrom.
Pinġili l-monokrom.
Bħax-xemx f’nofs l-eqqel Awwissu
Saħħant il-qalb li kien ilha ma tħobb elf mitt miljun jum.
Fil-lejl ta’ ħsiebijieti sibtek tpitter stampa mnaqqxa
…b’kull kulur.
Ta’ kuljum tpinġili l-monokrom
tal-lejl skur,
Tnaqqax l-istilel f’sema sa ma nqum.
Tpinġili l-monokrom.
Miljun raġuni ntik
U kliem mill-isbaħ nisqik
Biex ngħidlek b’ħarstek illum
Timlieli ħajti kull kulur.
16. Il-Perfezzjoni Illużjoni – Audrienne
(Emil Calleja Bayliss u Audrienne Fenech, Cyprian Cassar)
Tintgħoġob dejjem …le, dan mhu faċli xejn
u ngħidlek jien… isma’ dal-kliem li ġej
jiġri x’jiġri, int min int, qis li tibqa’ timxi mal-istint. u meta tifhem dan…fil-ħajja tkun ferħan.
Tagħmel x’tagħmel
dejjem ser issib min jiġġudikak
tħalli lil ħadd, fuqek iħalli mpatt.
Il-ħajja qasira…kemm-il darba jien lissint
Il-ħajja qasira…biex ma tkunx dak li trid int
ħobb mill-ġdid…jekk dan li trid
għax il-ħajja qasira…ftakar kif dejjem fik emmint!
Tħoss m’intx biżżejjed?…Warrab fis dak il-ħsieb
U għaraf kif…sbuħitek hi bla qies.
Twil, qasir, magħlub jew tond, jgħodd biss dak li f’qalbek hemm fil-fond u meta tagħraf dan…fil-ħajja tkun ferħan.
Tagħmel x’tagħmel
dejjem ser issib min jiġġudikak
tħalli lil ħadd, fuqek iħalli mpatt.
Il-ħajja qasira…kemm-il darba jien lissint…
Perfezzjoni mhi xejn ħlief illużjoni
Perfezzjoni li toħloq konfużjoni
Perfezzjoni li tisraq l-attenzjoni
Perfezzjoni li tfixkel l-emozzjoni
Il-ħajja qasira…kemm-il darba jien lissint…
Perfezzjoni mhi xejn ħlief illużjoni