Titħabbar it-48 Edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu 2024
Bi pjaċir inħabbru t-48 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu li se tittella’ fit-3 ta’ Awwissu ġewwa Pjazza Teatru Rjal bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra. Dan il-festival huwa organizzat mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Il-festival L-Għanja tal-Poplu joffri l-liberta’ lill-artisti tal-kanzunetta Maltija li jużaw kwalunkwe ġeneru mużikali li jixtiequ biex jesprimu l-emozzjonijiet u l-ideat tagħhom. Il-festival ta’ din is-sena jkun suċċess jekk ikun fih kanzunetti ta’ kwalita’ bil-Malti li jkunu relevanti għall-poplu Malti.
Il-festival jiżvolġi fi tlett fażijiet. Fl-ewwel fażi, il-ġurija tagħżel 40 kanzunetta semifinalista mill-kanzunetti kollha li jkunu applikaw. Fit-tieni fażi, ġurija oħra tisma’ l-kanzunetti semifinalisti kantati live u minnhom jintgħażlu s-sittax-il kanzunetta finalista. Fil-finali il-kanzunetti jkunu akkumpanjati live mill-Malta Concert Orchestra. Gruppi mużikali jistgħu jakkumpanjaw il-kanzunetta tagħhom stess. F’dan l-istadju se jkun hemm żewġ ġuriji: il-ġurija popolari u l-ġurija professjonali.
Il-festival wasal fit-48 edizzjoni tiegħu u sal-lum jattira b’entużjażmu t-talent żgħażugħ kif ukoll dak ta’ esperjenza. Tul dawn l-edizzjonijiet kollha, sena wara l-oħra, L-Għanja tal-Poplu ħeġġeġ il-kitba ta’ kanzunetti bl-ilsien Malti u wara serva ta’ pjattaforma biex l-artisti jwasslu l-kanzunetti tagħhom lill-pubbliku Malti.
Ir-regolamenti tal-festival L-Għanja tal-Poplu jinsabu f‘dan is-sit.
L-Għanja tal-Poplu qed jittella’ b’kollaborazzjoni ma’ Pjazza Teatru Rjal u huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti.