Ir-ritorn ta’ Kemmuna Airways bil-kanzunetta Il-Ħass u l-Basal, kliem u mużika ta’ Rita Pace.
Ix-xemx tikwi, u nħossni miexi ġo deżert ta’ ċapep bojod ta’ bini għoli. Inħoss ċerta oppressjoni u għejja kontinwa. Kuljum nibla’ l-mediċini kontra s-sogħla u d-dwejjaq. Imma min hu sinjur jgħidli ma ngergirx u ma nħallatx ħaġa m’oħra. Għandna minn kollox u hawn il-flus. Mhux ġo buti imma hawn il-flus, imma forsi qed inkun negattiv wisq. Jew għax kuntent hu, kuntent kulħadd.
Aktar milli bħala kantant, Augusto magħruf bħala artist komplut. Ipinġi, idoqq u jikkomponi, jirreċta u jidderieġi, jikteb poeżiji, proża, drammi u kliem ta’ kanzunetti varji. Magħruf ukoll bħala preżentatur u komiku fuq programmi televiżivi u tar-radju. Augusto huwa wkoll arranġatur mużikali u jmexxi r-recording studio tiegħu personali. Ħadem ma’ bosta artisti kbar u xi diski tiegħu għamlu suċċess, bħal You li jkanta Janvil u Tereża li jkanta hu stess. Kien parti mid-duo Kemmuna Airways flimkien ma’ Joe Demicoli. Augusto hu għalliem tad-drama fl-iskejjel tal-Gvern. Miżżewweġ lil Doreen u missier ta’ żewġt itfal, Anthea u Michele.
Joe Demicoli twieled fl-1963 u hu minn Ħal Għaxaq. Kien jifforma parti minn diversi beat/rock groups. Ħa sehem erba’ darbiet f’L-Għanja tal-Poplu. Fl-1998 kiteb l-album Kemmuna Airways u ħareg madwar għaxar cds bil-Malti. Ħa sehem f’żewġ films għaċ-ċinema lokali u pproduċa erba’ programmi televiżivi. Mar jallegra l-Maltin fl-Awstralja u l-Kanada diversi drabi. Joe ilu għaddej bi programm dwar kanzunetti Maltin għal għoxrin sena fuq One radio. Jaħdem ukoll bħala entertainer fid-djar tal-anzjani.