2016 (40 Ed)

Verżjoni pdf : LinjiGwidaVer12-02-16

Verżjoni pdf: Applikazzjoni-GTP-2016

cropped-Mill-Għanja-tal-Poplu-2.png
  1. IL‑FESTIVAL

1.1 Il‑festival L‑Għanja tal‑Poplu ‑ Festival tal‑Kanzunetta Maltija huwa festa ta’ kanzunetti oriġinali bil‑Malti, interpretati u akkumpanjati live.

Din is-sena (2016) il-festival hu organizzat mill-kumitat L-Għanja tal-Poplu flimkien ma’ Spazju Kreattiv, il-KunsilI Malti ghall-Arti u l-PBS. L-orkestra tal-PBS ser tkun qed tagħti s-sehem tagħha f’dan il-Festival b’ħidma id f’id mal-kompożituri tal-kanzunetti finalisti.

1.2 L‑għanijiet ewlenija tal‑festival huma:

  • (a) li jġib ’il quddiem il‑kanzunetta Maltija ta’ kwalità;
  • (b) li joħloq opportunità biex il‑kompożituri u l‑awturi jwasslu l‑kanzunetta tagħhom lill‑pubbliku Malti;
  • (ċ) li, anke wara l‑festival, ikompli jgħin lill‑artisti Maltin isibu udjenza dejjem ikbar għall‑kanzunetta tagħhom.

1.3 Il‑festival jiżvolġi f’erba’ fażijiet:

  • (a) l‑ewwel fażi tal‑għażla, li fiha mill‑kanzunetti kollha sottomessi jintgħażlu l‑aħjar kanzunetti.
  • (b) It‑tieni fażi tal‑għażla, fejn jintgħażlu l‑kanzunetti finalisti.
  • (ċ) Serata Semi Finali
  • (d ) Serata Finali, fejn jitħabbru r-rebbieħa.
  1. IL‑KANZUNETTI

2.1 Biex jidħlu għall‑Għanja tal‑Poplu ‑ Festival tal‑Kanzunetta Maltija, il‑kanzunetti jridu jkunu:
(a) oriġinali, jiġifieri l‑lirika u l‑mużika tagħhom qatt ma jkunu ġew ippubblikati;
(b) bil‑Malti;
(ċ) mhux itwal minn tliet minuti u nofs.

2.2 It‑tema tal‑kanzunetta hija libera, jiġifieri tista’ tittratta kull suġġett.

Bħala L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-kanzunetta Maltija, il‑festival jinkoraġġixxi l‑kitba ta’ kanzunetti li jesprimu l‑esperjenzi, il‑gosti, ix‑xewqat, ir‑relazzjonijiet u l‑aspirazzjonijiet kemm personali, kif ukoll kollettivi, jiġifieri bħala poplu fuq din il‑ġżira jew bħala ċittadini tad‑dinja[1]. Ta’ min iffakkar li l-premju għat-tema soċjali huwa premju apparti; jiġifieri l‑kanzunetti ma jiġux iġġudikati u ppremjati fuq dan il‑kriterju.

([1] Infakkru li kanzunetta b’tema soċjali mhux bilfors ikollha ton negattiv jew ta’ protesta, imma tista’ tinterpreta wkoll, ngħidu aħna, il-valuri l-kbar tal-ħajja bħalma huma l-ħbiberija u t-tama.)

2.3 L‑istil mużikali tal‑kanzunetti huwa liberu.

2.4 Il‑kanzunetti ser jiġu ġġudikati skont il‑kliem u l‑mużika u r‑rabta ta’ bejniethom.

2.5 Il‑kanzunetti b’tema vulgari u/jew ta’ propaganda partiġġjana ma jiġux aċċetati.

 

  1. IS-SOTTOMISSJONI TAL‑KANZUNETTI

3.1 Tista’ tiġi ppreżentata iktar minn kanzunetta waħda għall‑eliminatorja.

3.2 Il-kanzunetta trid tkun rrekordjata fuq CD. Il‑kliem għandu jkun jinftiehem u l‑melodija tkun tirrifletti kif ser tkun akkumpanjata l‑kanzunetta fl‑istadju finali.

3.3 Għal kull kanzunetta jrid jiġi ppreżentat envelop A4 separat li jkun fih:

  • (a)  recording tal‑kanzunetta fuq CD li fuqu jkun hemm miktub biss l‑isem tal‑kanzunetta;
  • (b) tmien kopji tal‑lirika;
  • (ċ)  l‑applikazzjoni għall‑parteċipazzjoni, mimlija mill‑parteċipanti;
  • (d)  kontribuzzjoni ta’ €30.

3.4 L‑envelops tal‑kanzunetti jintlaqgħu fl‑uffiċċju tal‑Għanja tal‑Poplu, 227 Triq il‑Merkanti, il‑Belt, nhar  it-Tlieta 19 ta’ April 2016  f’dawn il‑ħinijiet:
• filgħodu bejn l‑10:30 u l‑11:45,
• filgħaxija bejn is‑18:00 u d‑21:00.

3.5 Għal kull kanzunetta sottomessa għall‑Għanja tal‑Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija jingħataw 2 biljetti għal waħda mis‑serati finali tal‑festival. Il‑biljetti jinġabru mill-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt.

 

  1. L-ELIMINATORJA

  4.1 Għall-iskop ta’ dawn ir-Regolamenti:

• PARTEĊIPANT tfisser “persuna jew grupp li jkollha sehem fil-ħolqien tal-kanzunetta bħala awtur tal-versi jew kompożitur tal-mużika”.
• INTERPRETU tfisser “persuna/i (raġel jew mara) li jkollha/hom sehem fit-twassil tal-kanzunetta lill-udjenza”. Dan jinkludi kantant/a/i jew mużiċist/a/i.
• KANTAWTUR tfisser “persuna /grupp li jinterpreta  kanzunetta kliem u mużika tal-persuna / grupp stess

4.2 Il‑ġurija tal‑eliminatorja tkun magħmula minn persuni esperti fil‑lirika, fil‑mużika jew fit‑tnejn.

4.3 Il‑ġurija tal‑eliminatorja tiġġudika qabelxejn il‑kwalità tal‑lirika u l‑melodija tal‑kanzunetti u r‑rabta ta’ bejniethom, u mhux il‑preżentazzjoni jew il‑kwalità akustika tagħhom. Mhux mitlub recording demo ta’ kwalità professjonali. B’hekk parteċipant jista’ jevita spejjeż żejda.

4.4 Kanzunetta li tkun intgħażlet bħala finalista ma tistax tiġi rtirata mis‑serata finali jew mis‑CD uffiċjali tal‑festival.

 

  1. IL‑FAŻI FINALI

 5.1 Kull parteċipant u interpretu ta’ kanzunetta ppreżentata fis‑serata finali tal‑festival għandu jkollu/ha sittax‑il sena jew iktar sad‑7 ta’ Lulju, 2016.

5.2 Fis‑serata finali kantant/a jew grupp jista’/tista’ jinterpreta/tinterpreta sa żewġ kanzunetti.

5.3 Fis‑serata finali, l‑orkestra tal‑PBS ser tkun għad‑dispożizzjoni ta’ dawk li jridu jagħmlu użu minnha. Il‑parteċipanti tal‑finali jridu jiddikjaraw min ser jakkumpanja l‑kanzunetta. Jeżistu tliet possibiltajiet:

  • jew (a) li jkantaw u jakkumpanjaw il‑kanzunetta huma stess..
  • jew (b) li jkantaw u jkunu akkumpanjati kompletament mill‑orkestra.
  • jew (ċ) li jkantaw u jdoqqu strument/i u jkunu megħjunin mill‑orkestra.

5.4 Fil-kas 5.3 (b) u (ċ), l-akkumpanjament ser ikun kif jixtieq il-kompożitur. F’kas ta’ diffikulta l-aħħar deċiżjoni hija dik tal-kumitat organizzattiv.

5.5 Il-backing vocals jipprovduhom il-parteċipanti.

5.6 Grupp jista’ jkun fih sa 7 elementi, inklużi l-kantanti.


  1. APPUNTAMENTI

 6.1 Dati u ħinijiet:

  • Tnedija tal-Festival – Konferenza Stampa – Frar 2016
  • Sottomissjoni tal-kanzunetti, it-Tlieta 19 ta’ April 2016, 10:30–11:45 u 18:00- 21:00: 227, Triq il-Merkanti, Valletta.
  • Ir‑rikording tal‑kanzunetti finalisti jrid ikun lest sal‑Ġimgħa 17 ta’ Ġunju, 2016.
  • Provi fiċ-Ċentru ta’ Kreattivita – mit-Tnejn 27 ta’ Ġunju 2016, wara l-ħin tax-xogħol.
  • Provi fi Pjazza Teatru Rjal – mill-Ħadd 3 ta’ Lulju 2016 fil-għaxija.
  • L-ewwel serata semi-finali – Pjazza Teatru Rjal Il-Ħamis 7 ta’ Lulju
  • Serata finali – Pjazza Teatru Rjal, Is-Sibt 9 ta’ Lulju

6.2 Min se jieħu sehem fil‑festival irid ikun lest li jattendi għall-provi u s-serati finali.

 

  1. IS‑SERATI FINALI 

7.1 Il‑kanzunetta li titkanta fil‑finali trid tkun l‑istess kanzunetta, fil‑lirika u l‑melodija, li tkun ġiet ippreżentata fl‑eliminatorja. Korrezzjonijiet wara l‑eliminatorja jistgħu jsiru bl‑approvazzjoni tal‑kumitat organizzattiv.

7.2 Filwaqt li wieħed għandu jippreżenta u jinterpreta l‑kanzunetta bl‑iktar mod xieraq għas‑suġġett, ta’ min ifakkar li l‑esaġerazzjoni fil‑moviment, fl‑ilbies, fiż‑żfin, fil‑mima, eċċ. tista’ taljena l‑attenzjoni tal‑udjenza mil‑lirika u l‑melodija, li huma l‑qofol tal‑kanzunetta.

7.3 Il‑ġurija fis-serati finali tkun magħmula minn persuni esperti fil‑lirika, fil‑mużika jew fit‑tnejn, li jkunu differenti mill‑ġurija tal‑eliminatorja.

 

  1. IL‑PREMJIJIET 

 8.1 Ir‑rikonoxximent tal‑awturi u l‑kompożituri tal‑kanzunetti kklassifikati fl‑ewwel tliet postijiet jikkonsisti fi trofew għall‑kanzunetta lill‑awtur, ieħor lill‑kompożitur u ieħor lill‑kantant/a.

Jingħataw premjijiet ta’ flus kif ġej:

  • €1000 lill‑kanzunetta klassifikata  fl‑ewwel post,
  • €600 lill‑kanzunetta klassifikata fit‑tieni post,
  • €400 lill‑kanzunetta klassifikata fit‑tielet post.

8.2 L‑awtur u l‑kompożitur tal‑kanzunetta rebbieħa ta’ L‑Għanja tal‑Poplu ‑ Festival tal‑Kanzunetta Maltija jingħatalhom it‑trofew L‑Għanja tal‑Poplu – Festival tal‑kanzunetta Maltija, li jinżamm sal‑edizzjoni tal‑festival ta’ wara.

8.3  Ir‑rikonoxximenti jinkludu wkoll:

  • trofew lill‑awtur tal‑kanzunetta bl‑aħjar tema soċjali,
  • trofew lill‑kantant/a jew grupp bl‑aħjar interpretazzjoni,
  • trofew għall‑aħjar talent żagħżugħ,
  • trofew għall-aħjar kantawtur u €500.


  1. IL‑PUBBLIĊITÀ U S‑CD TAL‑FESTIVAL

9.1 Il‑kanzunetti, il‑parteċipanti u l‑interpreti finalisti tingħatalhom pubbliċità fuq il‑mezzi tax‑xandir, ir-radju, it-televiżjoni u l-internet. Il‑parteċipanti huma mitluba jikkoperaw kemm jistgħu mal‑kumitat organizzattiv biex din il‑pubbliċità tkun tista’ ssir bl‑aħjar mod.

9.2 Iċ‑Ċentru għall‑Kreattività flimkien ma’ PBS, li ser jieħdu ħsieb ir‑recording u x‑xandir tal‑festival, għandhom id‑dritt li jibqgħu jxandru dawn ir‑recordings għal skop ta’ promozzjoni tal‑festival. Id‑drittijiet tal‑kanzunetta jibqgħu tal‑awtur u kompożitur.

9.3 Bħal kull sena, il‑kumitat tal‑festival jippubblika CD uffiċjali tal‑festival bil‑kanzunetti finalisti kollha. Ir‑rikording finali ta’ dawn il‑kanzunetti jrid ikun lest sal‑Ġimgħa 17 ta’ Ġunju, 2016.

9.4 L‑organizzaturi tal‑festival ikollhom id‑dritt jinkludu l‑kanzunetti finalisti fis‑CD tal‑festival u jbigħu s‑CD.

9.5 Dawn ir‑regolamenti huma suġġetti għal tibdiliet mill‑kumitat L‑Għanja tal‑Poplu ‑ Festival tal‑Kanzunetta Maltija. Id‑deċiżjonijiet tal‑kumitat huma finali.

——-

­­Is‑sehem tiegħek f’dan il‑festival għandu jkun esperjenza pożittiva għall‑karriera tiegħek. Għalhekk inħeġġuk tipparteċipa. Jekk għandek xi mistoqsija jew diffikultà, nistednuk tikkuntattjana. Min‑naħa tagħna, se nżommuk aġġornat/a b’dak li jkun qed jiġri permezz tal‑websajt www.ghanjafest.com u facebook: L‑Għanja tal‑Poplu.

Jekk għandek xi ħbieb li jista’ jinteressahom li jieħdu sehem fil‑festival, ħajjarhom jipparteċipaw.

 

cropped-Mill-Għanja-tal-Poplu-2.png© L‑Għanja tal‑Poplu 1973 – 2016 (VO/0574)

W: www.ghanjafest.com

E: ghanjatalpoplu@gmail.com

T: 21233893  /21683761  M: 79923522

Save

Save

Save

Save