Lirika: L-Għanja tal-Poplu 2022
Programm
L-Għanja tal-Poplu 2022
Is-Sibt 30 ta’ Lulju
Fi Pjazza Teatru Rjal
Bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra taħt it-tmexxija ta’ Mro Joe Brown.
Tippreżenta: Valerie Vella
Kanzunetta – Kantant/a/i (Awtur, Kompożitur)
Qalb ta’ Qalbi – Mark Spiteri Lucas (Mark Spiteri Lucas)
Xemgħa – Mireille Rose Borg (Philip Vella)
Illejla – Neville Refalo (Emil Calleja Bayliss, Mark Spiteri Lucas)
Intbaħt – Ryan Grech (Ryan Grech, Ryan Grech u Matteo Depares)
Il-Ħuta l-Kbira – Sarah Micallef Muscat (Rita Pace, Augusto Cardinali)
Ismi – Marija Bellia (Iona Dalli u Marija Bellia)
Festa tal-Kartapesta – Daniel Sammut (Alfred C.Sant, David Joseph Sammut)
Klikk – Dominic Cini (Etienne Micallef, Dominic Cini)
U Iwa – Eliana Gomez Blanco (Etienne Micallef, Eliana Gomez Blanco)
Bejn il-Ħbieb – Graziana (Kevin Tanti, Chan Vella)
Fil-Kexxun – Alexia Micallef (Lon Kirkop)
Ħelu Manna – MARA (Emil Calleja Bayliss, Philip Vella)
Mhux Biċ-Ċajt! – Rita Pace u Tikka Banda (Rita Pace, Luke Vella)
Kont Barrani – Martina Fenech u Esther Spiteri (Etienne Micallef, Mark Spiteri Lucas)
Mr X – Philip Vella (Joe Julian Farrugia, Philip Vella)
Ma’ Kull Sekonda – Karen DeBattista u Dan (Paul Ellul, Karen DeBattista)
- Premju L-Għanja li Tibqa’ – Tony Camilleri L-Għannej
- Rebbieħ 2021 – Sean Borg
- Jaslu r-riżultati
- Premjijiet Speċjali
- Premjijiet Kanzunetti klassifikati fit-tielet u t-tieni post
- Tħabbir u premjazzjoni tal-Għanja tal-Poplu 2022
- Egħluq bl-Għanja tal-Poplu 2022
Lirika tal-Kanzunetti L-Għanja tal-Poplu 2022 ( Is-46 Edizzjoni )
1. Qalb ta’ Qalbi – Mark Spiteri Lucas
Qalb ta’ qalbi ħares f’għajnejja kompli ħallimni billejl u binhar
Qalb ta’ qalbi ersaq ftit lejja kompli spirani
ħa nofroq iċ-ċpar
Inti kewkba ġol-isbaħ smewwiet
Inti għanja li tidwi fis-skiet
Inti l-għajn li tisqini, dik ħarstek timlieni
bi mħabba li ma nsib imkien…
Qalb ta’ qalbi żommli jdejja kompli mexxini, urini t-triq.
Qalb ta’ qalbi ibqa’ hawn ħdejja dewwaqni l-benna dak biss li nixtieq.
Inti kewkba ġol-isbaħ smewwiet
Inti għanja li tidwi fis-skiet…
Ngħannqek miegħi. Inti tiegħi.
Jiena int. inti jien…
it-tnejn l’aħna flimkien sat-tmiem…
Qalb ta’ qalbi
għalkemm is-snin taru
għalik għadni nixxennaq, inħobbok bla qies…
Inti kewkba ġol-isbaħ smewwiet
Inti għanja li tidwi fis-skiet…
Inti l-kelma ta’ faraġ u kenn
Inti tħobbni bi mħabba tal-ġenn!
Inti biss li tqawwini
It-tama tagħtini
Fik insib lili nnifsi… min jien!!
Qalb ta’ qalbi
ħares f’għajnejja,
kebbes ġo fija
il-fjamma bla tmiem.
2. Xemgħa – Mireille Rose Borg
Għandi xemgħa tnemnem f’qalbi,
dawl ta’ tama ferm għal qalbi,
li jimlieni bil-kuraġġ,
għall-ġejjieni…
Forzi kbar qed jonfħu b’qawwa,
biex jitfuha u jifgawha,
u hekk nibqa’ ngħix fid-dlam,
il-ħsieb għejjieni…
Iriduni nimxi mal-kurrent,
iriduni ngħix biss il-mument,
ngħix fis-sħab.
Nipproteġik,
li tintefa żgur li qatt,
mhu se nħallik,
id-dija tiegħek timlieni bil-kuraġġ,
insib triq oħra,
Nipproteġik,
ħadd u xejn fil-verità,
mhu se jitfik,
xemgħa ibqa’ nemnem ġewwa fija,
int tama għalija.
Ġlieda kontra kull morali,
kontra kull mhu naturali,
ma jħallukx mument tistrieħ,
xejn mhu speċjali…
Nixtieq nara pożittività,
nixtieq nara aktar verità,
ferħ fil-qlub.
Nipproteġik,
li tintefa żgur li qatt…
3. Illejla – Neville Refalo
Fil-kantuniera nistenniek
inkun dejjem hawn għalik
kemm nixtieq illi nisqik l-imħabba.
Int jixraqlek ferm aħjar
minn ħajtek warrab kull imrar
jekk tħares fil-madwar ħa ssibni.
U jkun xi jkun l-istaġun
sew temp kiesaħ forsi sħun
ser noffrilek wens u kenn
nagħmlu b’impenn.
Illejla niġi qrib naqsam miegħek ftit kelmiet
ngħidu żewġ ċajtiet fil-kwiet
inġeddu t-tifkiriet.
Illejla niġi qrib fl-istess post u fl-istess ħin
nibqgħu żgur viċin f’dawn iż-żminijiet ibsin
b’għożża u twemmin
nieħdu ħsieb xulxin.
Minn wara ħġieġa nifraħ bik
f’kollox lest illi naqdik
ftakar qatt mhu ħa ninsik tul ħajti.
Kull esperjenza kont għarbilt
u mas-snin nistqarr inbdilt
fhimt kull għażla li għamilt għalija.
U jgħaddi kemm jgħaddi ż-żmien
se nibqa’ nfakkrek f’dawk l-ilwien
li żewqu ’l ħajtek b’kull kulur
fl-isbaħ jiem u xhur.
Illejla niġi qrib naqsam miegħek ftit kelmiet
ngħidu żewġ ċajtiet fil-kwiet…
Spalla fil-bżonn se nkun għall-batut
nagħti sehmi nemmen hu dovut
serraħ moħħok dan mhuwiex ftaħir
dan tiegħi huwa dmir.
Spalla fil-bżonn inkun hemmhekk sat-tmiem
u nittama illi nkebbes ftit tas-sliem
f’dik il-qalb li forsi llum għajjiet
il-faraġ hi nesiet.
Illejla niġi qrib naqsam miegħek ftit kelmiet
ngħidu xi żewġ ċajtiet fil-kwiet…
Dejjem nibqa’ nistenniek
inkun jiena hawn għalik
kemm nixtieq illi nisqik l-imħabba.
4. Intbaħt – Ryan Grech (Ryan Grech, Ryan Grech u Matteo Depares)
Għalkemm titbissimli, nixtieq inkun naf x’hemm valur
f’dak il-kliem li għidtli, llum l-għajnejn bid-dmugħ.
Għalkemm tgħid tifhimni, ma jgħaddix il-ħin biex tmur,
lanqas ħbieb kif wegħedtni li ser nibqgħu żgur.
Kemm stinkajt u ssugrajt,
bqajt nemmen f’dawk l-istejjer sakemm drajt.
Issa nsejt għal xiex bkejt.
Għadda ż-żmien, l-uġigħ ittaffa,
nista’ nerġa lura minn fuq din l-ixkaffa.
Għall-mument ma bqajtx kapaċi nħoss dawk l-emozzjonijiet
sakemm ħdimt fuqi nnifsi u tgħallimt inħobb mill-ġdid.
Meta l-ħajja troddlok lura, kull deni tieħdu b’ġid,
Għax m’għandniex wisq ħin hawn u ċert li xejn m’hu definit.
Kemm stinkajt u ssugrajt,
bqajt nemmen f’dawk l-istejjer sakemm drajt.
Issa nsejt għal xiex bkejt.
Għadda ż-żmien, l-uġigħ ittaffa,
donnha waslet fejn kellha tasal din il-karba.
Kemm stinkajt u ssugrajt,
bqajt nemmen f’dawk l-istejjer sakemm drajt.
Issa nsejt għal xiex bkejt.
Għadda ż-żmien, l-uġigħ ittaffa,
donnha waslet fejn kellha tasal din it-talba.
Fl-aħħar intbaħt illi nsejt għal xiex bkejt għalik.
5. Il-Ħuta L-Kbira – Sarah Micallef Muscat
Kemm-’l aringa niexfa
Kemm-il pixxispad
Kollox taf issib ma wiċċek
Meta tmur tistad
Nitlob li kelb il-baħar
Jiena ma nilmaħ qatt
Hemm min għarusa qabad
Għax hu tassew ixxurtjat
Ġieli ssib lampuka
Jew inkella xi awrat
U kun af jekk sibt gallina
Tinżel sew mal-avukat
Dejjem ħobza u sardina
Ma’ xi fanfru jew mazzun
Jew melħa bħall-inċova
Jekk ma jkunx xi salamun…
Ġieli xi qarnita ssib bil-pinna u l-klamar
Lura bħall-granċ titfa’ ’l min jissogra ikun ħmar
Qatt ma rajt sirena imma ħafna qalu raw
Jien ma mmeri ’l ħadd … min xarrbu kielu l-bakkaljaw!
Nitfa’ x-xbieki fil-mewġ
Forsi xi darba nġibha żewġ
Tajba tkun sħuna l-ftira
Meta tinqabad il-ħuta l-kbira
Dejjem il-ħut iż-żgħir maqbud
Min jorqod ma jaqbadx dal-ħut
Tistenna tmut bil-piena
Mal-ħut iż-żgħir m’hemm l-ebda ħniena
Ara tirfes rizza
Ara li ma titniggisx
Ibża’ mill-iskorfna
Mill-bogħod ħares lejha biss!
Hemm mulett li jaqbeż
Ġewwa x-xibka tant ferħan
Ma’ xi erba qlafat
Illi qed jgħajruh baħnan
Għax il-ħut il-kbir huwa wisq b’saħħtu u astut
Il-ħut iż-żgħir jibla’ u għalhekk komdu u paxxut
Hemm ħafna ħut fil-baħar imma qatt mhu sodisfatt
Makakk daqs pixxiplamptu lis-sajjied ħallih skantat!
Nitfa’ x-xbieki fil-mewġ
Forsi xi darba nġibha żewġ
Tajba tkun sħuna l-ftira
Meta tinqabad il-ħuta l-kbira
Dejjem il-ħut iż-żgħir maqbud
Min jorqod ma jaqbadx dal-ħut
Tgħid se mmut bil-piena?
Mal-ħut iż-żghir m’hemm l-ebda ħniena!
Sal-gerżuma l-lixka belgħu
Dawn li fix-xibka tiegħi telgħu
U ġieli anki jien spiċċajt
Bħal mazzun sunnara blajt…
Hemm bżonn dan jien ma nħallix
Lixka le ma jbellgħulix
Biex tal-ħuta l-kbira ma tgħaddix
Ma tiblagħnix!
Nitfa’ x-xbieki fil-mewġ
Forsi xi darba nġibha żewġ
Għalkemm hi sħuna l-ftira
Qatt ma tinqabad il-ħuta l-kbira
Il-ħut iż-żghir maqbud
Il-ħut il-kbir hu wisq astut
Maż-żgħir m’hemm ebda ħniena
Is-sajjied imut bil-piena!
6. Ismi – Marija Bellia
Għalfejn qed tħallini fl-għama,
Timlieni bit-tama,
Jekk forsi meta ndur mhu se nsib xejn?
Jekk inpoġġi tgħidli “qum
U dur dawra mal-kurituri
Ta’ dal-moħħ” li bil-ħsibijiet invadejt.
Minn pistola spara tir
Dan l-aġir kaġun ta’ qtil
Ta’ dan l-għasfur moħħu innoċenti
Itir liberu, indipendenti
F’sekonda sraqt in-nifs
Fuq għażla tiegħek biss
F’tebqa t’għajn, kiesaħ u biered
Għal ħajtu qed jissielet
Jidwi ismi
Bħal eku fid-distanza bqajt nirtogħod
Jidwi ismi
Bħal eku fid-distanza bqajt nirtogħod
Il-lingwa tiegħi ma fhimthiex
Imma le b’azzjoni, espressjoni
Inti bqajt topponi lilek ma ċedejtx
Allura tini konsegwenza
Ħudli l-innocenza
Ħudli ħajti, ħudli ġismi
Fi Ġnien L-Indipendenza
Din il-mara li hi oħti, hija ommi, hija jien
Ir-raġuni illi mara saret tibża’ kullimkien
Għax fallejniek, fallejna ’l ħutna
Fallejna lilna nfusna
Ħadthieli l-innoċenza
Fejn hi l-indipendenza?
Jidwi ismi
Bħal eku fid-distanza bqajt nirtogħod…
Jidwi ismi
Jidwi ismi
Bħal eku fid-distanza bqajt nirtogħod…
7. Festa tal-Kartapesta – Daniel Sammut
L-arbli tal-bandalori
kjosks tal-bergers biċ-ċips,
ġigġifogu, trikkitrakki,
togħma ta’ mrar man-nifs.
Fratelli taħt il-vara
kartelluni mal-każin,
siġġijiet madwar l-imwejjed
u erbgħa taħt il-baldakkin.
Mad-daqq brijjuż tal-marċi
dingi jiżfen ġo baħar werċ,
fil-pjazza jgħannu l-innu
jitbissmu l-isqra tal-kummerċ.
Mill-kampnar isejħu l-qniepen
bozoz jgħoddu mal-eluf,
f’dan il-lejl id-dingi jiżfen
ma nafx s’għada jkunx mitluf
b’xi mitejn ruħ.
U tkun festa tal-kartapesta
xeni jixbhu t-teatrin,
jekk nehdew bil-purċissjoni
u ninsew dawk il-bnedmin.
Nemmen li l-qaddis tagħna,
li mat-toroq indawruh,
messaġġ għaqli kien ħallielna,
ħarsu lejn il-fqir bil-ġuħ,
ħarsu lejn il-fqir bil-ġuħ.
Raġġiera tal-filigranu
fuq mantell ta’ lewn il-qroll.
Kif ninfixlu fir-rutina,
din il-għoqda min se jħoll?
Mad-daqq brijjuż tal-marċi
dingi jiżfen ġo baħar werċ,
fil-pjazza jgħannu l-innu
jitbissmu l-isqra tal-kummerċ.
U hemm dawk li jkaxkru l-ktajjen
fuq wiċċ l-ilma fl-agħar maltemp
fl-aħħar nifs mill-qalb jitolbu
li jsalvaw u jsibu l-kenn,
xi ħadd li jħenn.
U tkun festa tal-kartapesta
xeni jixbhu t-teatrin,
jekk nehdew bil-purċissjoni
u ninsew dawk il-bnedmin.
Nemmen li l-qaddis tagħna,
li mat-toroq indawruh,
messaġġ għaqli kien ħallielna,
ħarsu lejn il-fqir bil-ġuħ,
ħarsu lejn il-fqir bil-ġuħ.
8. Klikk – Dominic Cini
Stessu kif niftaħ għajnejja
Quddiem platt bejken u bajd
Ieħor b’xuftejja mibruma
Nimmudella dritt ma’ ħajt
Stessu mal-isrkivanija
Bil-geddum għax qiegħed xogħol
Wieħed fil-kamra tal-banju
Tal-qmis il-buttuni nħoll
Alla ħares kont id-David
Jew il-ġgant f’nofs il-palazz
Kemm nitkessaħ u nippoża
Għarwien ħuta… għandi l-gazz!
Stessu wieħed wara l-ieħor
Nistqarr li sirt iffissat
Ma’ kull wieħed illi nieħu
Inħossni gglorifikat
Qed issir donnha diżordni
Din il-forma t’ossessjoni
Għaliex il-ġurnata nqatta’
Tal-ħbieb naqra l-opinjoni
Xiż-żikk!
Stessu waqt ħin l-eżerċizzju
Bl-għaraq nerfa’ l-piżijiet
Faqqajt wieħed minn ġox-xawer
Ngħatti ċertu partijiet
Stessu kif lestejt insajjar
Inxomm dik ir-riħa tfuħ
Ieħor b’tazza nbid ħamra
Li taparsi qed induq
Alla ħares kont Nettunu
Jew it-Tritoni tal-Belt
Kemm niddandan u nitqażżeż
Stessu nieħu nkun żvelt
Stessu wieħed wara l-ieħor…
Qed issir donnha diżordni…
Ma’ kull stessu illi nieħu
Qed nintgħoġob mingħalija
Hemm bżonn li nirrealizza
Li nżomm ħajti biss għalija
Se jiġrili bħal Narċisju
Sar iħobb biċċa rifless
Lanqas biss miskin induna
Dak li ħabb kien huwa stess
Stessu wieħed wara l-ieħor…
Qed issir donnha diżordni…
Stessu wieħed wara l-ieħor…
Qed issir donnha diżordni…
Xiż-żikk!
9. U Iwa – Eliana Gomez Blanco
Mhux bħal xi attakk
Jew rewwixta fuq Bastilja
Imma dawn l-allat
Ħadu posthom bla tbatija
Mingħajr bżonn sparar
Sabu nies li jbaxxu rashom
B’reqqa imbagħad żguraw
Li l-merħliet sew jimmansaw
U iwa…u iwa…(B’daqshekk x’fiha!)
Lill-votant jagħtuh
Jiekol tikka ross bil-labra
Għax malajr wegħduh
Xi impjieg jew biċċa kamra
Vampiri tassew ħfief
Ma jħufux biss filgħaxija
F’kull rokna, qasma u xaqq
Tellgħu bini dardru d-dinja
U iwa… u iwa…(U iwa…)
Tliet mija u sittin grad
Ċikku poplu indotrinat
Jegħreq fil-medjokrazija
Ċaw u bye demokrazija
U l-kbir komdu xxamplat
Jibla’ l-art indemonjat
Liż-żgħir il-ħama jtuh
Mingħalih li ilma pur
Ir-rota tkompli ddur
Bil-pedali imma għajjiena
Atturi bla taħriġ
Li jiżżattu f’kull sensiela
It-tenders miktubin
Li jintrebħu bil-maġija
Xalata bordijiet
Kollhom dud u apatija
U iwa…u iwa…
U iwa…u iwa…
Art verġni ta’ kuljum
Tiġi identifikata
Kien lest il-predatur
Ma damitx ma ġiet stuprata
U Ġaħan iċċassat
Ħuta l-kbira tibla’ ż-żgħira
Minflok jitla’ fil-wiċċ
Hemm min lest jagħtih majnata
U iwa…u iwa…(B’daqshekk x’fiha!)
Tliet mija u sittin grad…
U l-kbir komdu xxamplat…
Jitrażżan sew l-ilsien
Minn xi biċċa opportunist
Strutturi mxaħħmin
Jilgħaq il-propagandist
Il-poplu issa għarwien
Jgħid biss iva ma jmerix
B’karrotta fuq quddiem
Joqgħod kwiet ma jistaqsix
Tliet mija u sittin grad…
U l-kbir komdu xxamplat…
Ħallik mill-iwa
Stenbaħ… u sfida!
10. Bejn il-Ħbieb – Graziana
Sema’ kulħadd, b’Enzo dan żgur
Kantant famuż, preżentatur
Sema’ kulħadd, b’Żeppi u Grezz
Diski tajbin, li m’għandhomx prezz.
Min ma semax, bi tlett ixjuħ
ġewwa l-pjazza, il-ħin jgħadduh.
Ġużeppi u Karmnu, magħhom Pawlin
Jiltaqgħu hemm, jinbxu ’l xulxin.
Wasal il-jum, li magħhom tkun
Beka kulħadd, ma xtaqnieh qatt.
Fil-post li inti qiegħed
M’hemm xejn li jinkwetak.
Nixtieq imqar minuta,
kemm jien nerġa’ narak.
Imqar kemm nisma’ leħnek
Insellmu lil xulxin,
kemm jien nagħtik tislima
Memorji mixtiqin.
Min jaf kemm rajt, demgħat neżlin,
meta kantajt, tal-karozzin.
Kull meta rbaħt, qatt ma tkabbart;
artist għalliem, saqajh mal-art.
Għal dak l’ għamilt. kburi jien bik,
Kif nista’ qatt, darba ninsiek!
Għallimtni tant, ma stennejt xejn,
tajt dak li taf, lejk għandna d-dejn.
Kont onorat, f’pajjiżna stmat,
ħabbewk in-nies, imħabba bla qies.
Fil-post li inti qiegħed
M’hemm xejn li jinkwetak…
Mill-ġenna ħarisna,
mill-ġenna indukrana.
Ħares sew kemm lilna
u lil din Malta tagħna.
Dlonk dlonk qiegħed niftakar,
f’kull diska li kantajt.
Imħabba għall-ilsien Malti,
ġo fina inti żrajt.
11. Fil-Kexxun – Alexia Micallef
Kif inbexxaq għajnejja,
ikun hemm int tħares lejja
Tara dak li m’għandix,
nara dak li m’iniex
Kulħadd jaħseb li jafni
F’għajnejk taħseb li tafni
Nara dak li ma rridx,
tara dak li m’iniex
Moħħi qed jgħidli li rnexxejt,
ġismi jgħarrafni li fallejt
Inħossu jgerger kuljum
Nitolbok ieqaf għax għejejt,
tirrepetili li ntemmejt
Nisimgħak tgerger kuljum
Nixtieq li xi darba nieqaf ngħodd,
il-kaloriji f’bawl ċkejken bil-frott
F’dal-ġisem ma fadal xejn
u ġibt kollox b’dawn l-idejn
Nilgħab dawra tond bl-ikel fil-platt
Lil ommi ngħid, “fil-kamra nispiċċah”
Hekk kif f’kamarti nkun
Naħbih l-ikel fil-kexxun,
fejn ma ssibux
Il-miżien dar kontrija,
donnu għandu għalija
Jiżen dak li m’għandix,
jiżen dak li m’iniex
Id-dar jgħiduli li ksuħat,
ma jifhmux li dawn mhux bluhat
L-istonku jgerger kuljum
Kulħadd minni jara għaddej id-dawl,
u jien narani smint mill-bieraħ ’l hawn
Li nagħmel kollu ta’ xejn,
ma mmiss xejn ma’ dax-xofftejn
Nilgħab dawra tond bl-ikel fil-platt
Lil ommi ngħid, “fil-kamra nispiċċah”
Hekk kif f’kamarti nkun
Naħbih l-ikel fil-kexxun
Dal-ġisem ħadt bil-mod il-mod,
issa tiegħek u qed jirtogħod
Nixtieq nieħdu lura
Neħles minnek mhu faċli xejn,
nibkik kuljum ma nafx għalfejn
Irrid ġismi lura
U fl-aħħar irnexxieli nieqaf ngħodd,
u fl-ikel qed inżid bil-mod il-mod
Fuq riġlejja bdejt inqum
Daqshekk ikel fil-kexxun
Li nkompli ngħix iddeċidejt
Nagħmel post għalik issa jien bdejt
Lilek naħbik fil-kexxun
Biex meta oħrajn jixtiquk,
ma jsibukx.
12. Ħelu Manna – MARA
Ferħ… fina kienu jaraw
mix-xejn għarfu irabbuna.
għallmuna, fis-sempliċità.
Sliem ġewwa qlubna ħallew
tant paċenzja ħadu bina
tbissima ta’ feliċità.
Noli u ħarba kemm lgħabt
hekk kif dejjem kont xtaqt
kemm niftakar li dħaqt.
Passju u l-ħabel kemm qbiżt
magħhom xortija sibt
u l-memorji li ksibt… ma nħlewx…
… għax tan-nanna ħelu manna
jinżel għasel bla ma trid,
it-tjubija donnha tkattar
bħall-insolja tal-inbid.
… għax tan-nanna ħelu manna
jinżel għasel bla ma trid,
dik il-ħlewwa ma ssibx bħalha
għax magħmula bl-ifjen id.
Kliem… mirqum dejjem bis-sens
l-esperjenzi li għaddewlna
imlewna, bil-għerf għal futur.
Għalkemm kultant imqarbin
użaw l-id tad-dixxiplina
tagħlima, li ma ninsewx żgur.
L-ikel u l-ħelu li doqt
magħmul bl-ifjen prodott
tant riċetti int ħloqt.
Tiegħek u tiegħek jien biss
niekol il-platt li jmiss
xtaqt l’ għamilt hekk ta’ spiss… tassew…
… għax tan-nanna ħelu manna
jinżel għasel bla ma trid…
F’qalbna ngħożżu il-mumenti
illi għexna tul is-snin
u bħal anġli dawn fis-sema
iħarsuna żgur f’kull ħin…
issa daqshekk tagħlim
baqa’ biss… tifkiriet ħelwin
issa daqshekk tagħlim…
ħsiebna biss… fil-mumenti ta’ flimkien.
Noli u ħarba kemm lgħabt
hekk kif dejjem kont xtaqt
kemm niftakar li dħaqt.
Passju u l-ħabel kemm qżibt
magħhom xortija sibt
u l-memorji li ksibt… ma nħlewx…
… għax tan-nanna ħelu manna
jinżel għasel bla ma trid…
13. Mhux Biċ-Ċajt! – Rita Pace u Tikka Banda
Nista’ nġemma’ bħal kupuni das-salt dwejjaq li jaqbduni
Kieku ngħidha żgur jgħiduli nieħu l-pirmli biex jgħadduli
Illum ngħidha kif naħsibha bla tidwir mhux qed ngħaġġibha
Li ħadd ma jġibulek sħun għalhekk tafdax u tkunx mazzun.
U ngħir għall-politikanti li bi flusna jħaxxnu bwiethom
Mhux “għalina u għal uliedna”, imma għalihom u għal uliedhom.
’Kk immur btala tropikali, tgħid nispiċċa fil-ġurnali?
Illi mort niftaħ xi kont? ’Qas biss naf ngħodd dak l-ammont!
U mill-kliem ngħaddi għall-fatti… magħna ma jagħmlux kuntratti,
Biex taqlagħha trid titbagħal… bilkemm tqatta’ ħin mat-tfal.
U hemm min bix-xejn jinxtara, jista’ jmur jiddobba qargħa!
Xtaqt inkompli magħhom demmi ma jtinix
Hekk jew hekk demm ftit fadalli… ma nagħmilx bħall-pappagalli
Nirrepeti mantra illi ma ddoqqlix
Kif xbajt! Kif xbajt! Qed ngħidha mhux biċ-ċajt
Kif xbajt b’dal-kanen illi blajt
Kif xbajt! Kif xbajt! Qed nitkellem mhux biċ-ċajt
Kif xbajt! Kif xbajt! Waħdi ngħid u nerġa ngħid
Kif xbajt! Kif xbajt! Qed ngħidha mhux biċ-ċajt
X’għala l-bieb u l-antiporta – f’din id-dinja kulħadd xorta
Dejjem povru ċittadin li jissikka ċ-ċinturin
X’se jsir minni la nirtira jekk ma nirbaħx somma kbira?
Għajn ma tara qalb ma tuġgħa’… basta nħallas għaż-żebbuġa
Jien fi lsieni m’għandix ħajta u m’għandix aptit niċċajta
Lit-tabib għedtlu xi nħoss qal: “Għandek breakdown iboss”
Jien li kollox jgħodd għalija, imnalla għandi din il-qasrija
Ħalli demmi ma jibqax ifferoċjat
Alla ġabhom dawn il-maskri… jaħbu dawn kull wiċċ ta’ laskri
Ġejna s-sena kollha qisna karnival!
Kif xbajt! Kif xbajt! Qed ngħidha mhux bic-ċajt…
Kemm nixtieq inqatta’ l-karti, naqbad dgħajsa u nitlaq minn arti!
Nitlaq, nemigra xi mkien ’il bogħod minn hawn
Din id-dinja għaddiet minn kriżi – ma kienx vajrus taċ-Ċinizi
Qalu li rbaħnieh… jien xorta nħossni down…
Kont xi darba ribelluża… imm’ issa li sirt diżilluża
Demmi ġibtuhuli mhux biss ilma imma anki fwar
U sa fl-aħħar jien qtajt qalbi li xi ħadd se jisma’ talbi
Qaddisin m’għandix… u lanqas vari d-dar
Kif xbajt! Kif xbajt! Qed ngħidha mhux bic-ċajt…
4. Kont Barrani – Martina Fenech u Esther Spiteri
Mustafà trid taħdem daqs bagħal
Hawn Malta ġietek ward u żahar
Inpaqpaq il-vann kun fil-ħin
Int iswed ma tiswiex karlin
Inħallsek meta komdu jien
U ara biss tgħid li għajjien
Inħaddmek nagħmillek favur
Biex forsi jkollok futur
Kont barrani taparsi lqajtuni
Kont għeri komplejtu tkissruni
Kont bil-ġuħ il-loqom tmajtuni
Kont bil-għatx il-velenu sqejtuni
Forsi l-ġilda bħal tagħkom m’għandix
Forsi x-xorti ma titbissimlix
Forsi din l-art tiegħi mhijiex
Imma ħati la tqisunix
Mingħajr nifs tidħol mit-Tnejn sal-Ħadd
Tixxabbat, imdendel mill-qadd
Ilbies protettiv tivvintax
U qabel is-sebgħa titlaqx
U qatt m’għandek titlob xi żieda
Għalxejn li titkarrab bil-ħniena
Mill-baħar ftakar salvajnik
U saqaf fuq rasek tajniek
Kont barrani taparsi lqajtuni…
Forsi l-ġilda bħal tagħkom m’għandix…
Abdallah issa nħallsek dalwaqt
Fadallek għadu mhux il-waqt
Jekk nixba’ narmik f’nofs ta’ triq
Mixħut hemm, hemm mal-art inħallik
Int ftakar li ma tiswa għal xejn
U b’xogħlok qed tħallas id-dejn
Il-prezz se trodd lilna l-Maltin
Il-poplu b’qalb kbira, ħanin
Kont barrani taparsi lqajtuni…
Forsi l-ġilda bħal tagħkom m’għandix…
Int bniedem ta’ razza diversa
Il-blokka jeħtieġ li titlesta
Minn fuqek se naqla’ l-miljuni
Fl-istrina b’ċekk f’idi jġibuni
15. Mr X – Philip Vella
Laqqmuni bla isem, kunjom ma tawnix
Ħasbuni aljen, ta’ did-dinj’ m’iniex
U ħarġu avviż għax ħasbuni mitluf
Bla isem, ’mma wiċċi malajr sar magħruf
U tgħidx kemm qlajt voti fil-media soċjali
Kummenti li jweġġgħu, tgħajjir personali
Sakemm indunaw illi kont diġà mejjet
Li ħelsu minn ieħor… bla isem… għax żejjed
Isem għandi, biddiltuhuli
U spiċċajt Mr “X”…
Isem għandi, biddiltuhuli
Spiċċajt biss Mr “X”…
M’għadniex ħolqien wieħed: dik oħti, dak ħija
Lill-bniedem skont flusu tkejluh, tal-mistħija!
Il-ħajja tal-lum ħafna qligħ qiegħda toħloq
U toħloq ukoll l-“X”ijiet
Isem għandi, biddiltuhuli…
Jien il-baħħ ta’ soċjetà ma tafx fejn sejra
Fejn il-ħniena m’għadhiex balzmu għall-widnejn
Il-valur uman tlifnieh f’dil-ħajja mgħaġġla
Fejn nies bħalna inqisuhom mhuma xejn
Isem għandi, biddiltuhuli…
Mr X.
16. Ma’ Kull Sekonda – Karen DeBattista u Dan
Ma’ kull sekonda tqila moħħi jhewden
fl-irkejjen twal u dojoq tal-ħsieb moħbi,
minuta naraha dinja, l-arloġġ jgħaġġel,
u nilmaħ siegħa wisq ’il bogħod, ’il bogħod.
F’dal-lejl mudlam fejn lanqas kewkba waħda
ma ddawwal is-smewwiet li tħossu jagħfas,
hawn jien għalik nixtieq li sserraħ rasek,
u f’qalbek tgħid, “hemm int, hemm int għalija”.
Ma’ kull sekonda
li tgħaddi tlebbet,
inħobbok aktar,
timlieli l-vojt.
Ma’ kull sekonda
li taħrab tiġri,
bik miegħi ngħanni
il-vrus ħelwin.
U l-ebda għanja tal-għasfur ma tfarrġek,
u l-mewġ ma jitbewwisx mal-baħar ħiemed,
ma tifraħ l-ebda werqa bix-xemx tielgħa,
ma jinbidilx il-lejl fin-nhar grazzjuż.
Sakemm hawn jien in-nida tmelles wiċċek,
jiżżerżaq ma’ ħaddejk il-kliem ta’ mħabba,
bi kliemi tibda tifhem it-tifsira
ta’ kulma jaqa’ taħt is-sensi tiegħek.
Ma’ kull sekonda…
Ma’ kull sekonda…
Jaħkmuni rjieħ qawwija kull sekonda,
dal-vjaġġ għalkollox stramb ma nafx fejn jasal.
Niftaħlek beraħ bieb il-ferħ ta’ qalbi,
tal-kif u l-għala ssib, it-tweġibiet.