Ta’ Billejl
kliem: Paul Ellul
mużika: Mark Spiteri Lucas
ikanta: Neville Refalo

Sarli l-ħin biex immur naħdem,
jien illum ix-xift tal-lejl,
il-jiem tiegħi saru riga,
nieħu dejjem l-istess kejl.

Lil uliedi fil-friex komdi,
inħallihom hemm reqdin,
filgħaxija jkunu daħlu,
xħin immur għax-xogħol fil-ħin.

Pa, ħa nkellmek għandi x’ngħidlek,
pa, dil-kelma ma nafhiex,
pa, dil-logħba mhix għal wieħed,
pa, dil-ħajja ma rridhiex.

Ta’ billejl, ħu ftit paċenzja,
ta’ billejl, diġa` qed tard,
idħol orqod naraw għada,
tgħatta sew għax daqsxejn bard.

Il-kont tiegħi mimli ewros,
mowbajl fown għal wieħed tnejn,
u f’kull kamra hemm kompjuter,
nieqaf naħdem mnejn sa fejn.

Kos u kos iż-żmien kif jgħaddi,
illum bniedem irtirat,
ninsab waħdi wliedi żżewġu,
bija nnifsi għoddni fgat.

Pa, ħa nkellmek għandi x’ngħidlek…

Ta’ billejl, ħu ftit paċenzja…

Inċemplilhom kemm-il darba,
messaġġ nibgħat kull sagħtejn,
u r-risposta dejjem waħda,
pa, mhux issa mnejn sa fejn.

Pa, ħa nkellmek għandi x’ngħidlek…

Ta’ billejl, ħu ftit paċenzja…
Ma Ninsiex
kliem: Joe Julian Farrugia
mużika: Augusto Cardinali
tkanta: Deborah Dalli

Nar… li qawwietu ma jafhiex
Xemx… ma tixgħelx bla taf għaliex
Naf… illi hekk kont jiena,
warda li ma tafx bi lwienha…
u żgur li ma ninsiex

Ħlomt…  u dil-ħolma ġrat tassew
Xewqat… illi fl-aħħar irnexxew
U naf… li kont int għalija,
għentni nirbaħ id-dgħjufija…
Qalbi ma tinsiex

B’hekk qed inkanta llum… ilbieraħ tar mar-riħ
Mhu se jwaqqafni ħadd… dal-waqt nibqa’ ngawdih
u dak li għidtli int… ma ninsiex
Erfajtni fuq ġwenħajk… biex ma negħjiex intir
u niddeċiedi jien… li għandu jsir isir
għax ħajti tiegħi biss… ma ninsiex

Qatt… fija nnifsi qatt m’emmint
sal-jum… illi f’ħajti tfaċċajt int
Fhimt…  li jekk ma naqtax qalbi,
jasal jum jinstema’ talbi
u jien ma nintesiex

B’hekk qed inkanta llum… ilbieraħ tar mar-riħ…

Qed nerġa’ ngħix mill-ġdid
Ngħix ħajti kif irrid

B’hekk qed inkanta llum… ilbieraħ tar mar-riħ…
Is-Sinjur
kliem: Emil Calleja Bayliss
mużika: Mark Scicluna
tkanta: Cherylis

Kien magħruf ta’ ħafna flus
imma qatt ma rajtu jbus
u f’dinjietu deher mitluf,
dejjem waħdu rajtu jħuf.

Aktar ġid ra kif akkwista,
għal butu dejjem irsista
għax jgħix f’dinja materjali.
favurih kien id-destin.

In-nies jafuh bħala s-sinjur,
bil-ġid kien donnu ser ifur,
jgħix ġo palazz qisu minjiera,
fit-tarf tat-triq  mal-kantuniera,
titkellem miegħu kien t’unur
dejjem bil-ġlekk pulit idur,
ħadd ma jaf x’hemm wara l-purtiera,
fit-tarf tat-triq mal-kantuniera.

Is-sinjur xħiħ,
ma kellux ħjiel,
x’hemm lest għalih.

Għodwa waħda deher sinjal,
imdendel ħdejn il-fanal,
il-palazz għall-bejgħ jinsab,
fi ftit jiem xi ħadd mar xtrah.

Xerred ġidu mal-batuti,
qassam kulma kellu x’juri.
Kemm ferħ ħass ma’ kull tbissima,
xtaq li jdawwar lura ż-żmien.

In-nies jafuh bħala s-sinjur,
bil-ġid kien donnu ser ifur,
jgħix ġo palazz qisu minjiera,
fit-tarf tat-triq  mal-kantuniera.

Issa s-sinjur m’għadux l-istess,
u fil-flus tilef l-interess,
in-nies ħabbewh u daru miegħu,
ma kellhomx ħjiel li waslet tiegħu.

Qassam kull sold u spiċċa b’xejn
u ħadd ma fehem għaliex, għalfejn,
ħadd ma kien jaf li kien marid,
x’jiswa l-ġid?

Kienu jafuh bħala s-sinjur,
bil-ferħ ġo qalbu qed ifur,
neħħa l-palazz qisu minjiera,
fit-tarf tat-triq  mal-kantuniera.
Issa jitbissem lil kulħadd,
u warrab minnu l‑beżgħat,
ħesrem inkixfet il-purtiera
fit-tarf tat-triq mal-kantuniera.

Għas-sinjur fqir,
wasal it-tmiem,
u skada l-ħin.

Ħallejt il-Passi Wrajk
kliem: Paul Ellul
mużika: Glen Vella
ikanta: Jurgen Xerri

Fittixt fil-paġni rotob f’dizzjunarju,
xi jfisser kliem bħal spazju, vojt u tmiem,
xi jfisser kliem bħal titlaq, tbewweġ waħdek,
xi jfisser kliem bħal mili, dmugħ u jiem.

Int kellek tant uċuħ u jdejn biex tmelles,
u kmamar b’sabar, b’għożża mimlijin,
u qlub li jfittxu leħnek għall-pariri,
kont sieħeb f’ħafna logħob u ġiri w żfin!

Ħallejt il-passi wrajk,
ħallejt ir-riħa tfuħ,
ħallejt mitwija l-qmis,
inħobbuk,
nixtiquk.

Ħallejt il-passi wrajk,
niftakar fik kuljum,
inbus ritratt merfugħ,
erġa’ lura,
irriduk.

X’fittixt li ma tajniekx fis-sliem u l-paċi,
imlejna d-dar bħal bejta kollha frieħ,
għax veru każ li l-bniedem qatt mhu hieni,
u jlebbet wara x-xejn w ix-xejn jagħmih.

Inħares lejn l-armar fi kmamar vojta,
u l-ġugarelli b’wajers imsaddin,
nixtieq, nixtieq timtela qalbi bl-hena,
għax inti biss ta’ ħajti timla l-ħin.

Ħallejt il-passi wrajk…

Ħallejt il-passi wrajk…

Fejn qiegħed u fejn tkun ma nkunux nafu,
li nafu hu li hawn ma narawk qatt,
kulma naraw ritratti mċajpra tiegħek,
li jlissnu f’qalbna l-ksur ta’ dan il-patt.

Ħallejt il-passi wrajk …
Ħanini
kliem: Walter Micallef
mużika: Walter Micallef
ikanta: Walter Micallef

Ħallini ħanini
Inserrep subgħajja
Għalxejn ġewwa xagħrek
U nħollu bil-ħlewwa
L-għoqiedi w bil-għaqal
Immelles u nwennes
Sakemm qajla qajla
Jingħalqu għajnejk.

Ħallini Ħanini
Inħejjek għall-ħolma.
Fuq fjuri tal-ġonna
Mal-friefet tittajjar.
Bil-ġwienaħ qotnija
Lejn sħab tat-tajjar.
Mal-merżuq tiżżerżaq,
Għal raqda aħjar.

Ħallih ir-riħ jonfoħ, ħallih tinkwetax
Ħa jfarfar il-weraq, sakemm ma jibqax
Imbagħad tiġi x-xita, u jfeġġ weraq żgħir
U x-xemx tgħinu jħaddar ħa jsir weraq kbar.

Ħallini ħanini
Inserrep subgħajja…

U tinqata’ ’l fuq
Ittir u dduq
Il-mistrieħ.

Il-Biża’ u Jien
kliem: Rita Pace
mużika: Pamela Bezzina
tkanta: Nadine Fenech

Kont tmaqdar u titfagħni
Ġo rokna, tumiljani
Tgħajjarni falliment…
Kapaċi għal xejn
Bi kliemek kont tkissirni
B’għemilek kont tbiċċirni
Tinfidni bħal stallett
Li jgħammex l-għajnejn

U leħen f’moħħi kien jirrepeti bla waqfien
Kliem li ġarraf, min hi l-vera Jien.

Imma mil-lum jien daqshekk emmint
Li tridni nemmen int
Se nisma’ biss dak li rrid jien
Mil-lum irrid ta’ ħajti nkun is-sid
U nibda ngħix mill-ġdid
Daqshekk għexna flimkien
Dil-biża’ u jien.

Biss għintni nimmatura
U qatt ma nħares lura
Inżomm ġo moħħi skop
li rrid ngħix għalih

Għalkemm int kont tbeżżagħni
f”kull ħaġa tikkritikani
taqtagħli qalbi, tgħaddasni fit-tajn
flok tgħinni, tqabbilni mal-oħrajn

Imma mil-lum jien daqshekk emmint
Li tridni nemmen int…

Sirt dak li jien illum
u niġi naqa’ u nqum
Jekk lilek ma jogħġbokx
L-aqwa li kuntenta jien!
Kont fl-għamad imma dfint
Il-gideb li sqejtni int
U minn ġol-fosdqa ħriġt
li inti nsiġt.

Għax jien mil-lum jien daqshekk emmint
Li tridni nemmen int,
Se nisma’ u ngħid dak li rrid jien!
Illum inbdilt u ħajti bnejt mill-ġdid
U l-ħolm li tfejtli int, b’kuraġġ ra dawl fiddien,
Bla biża’…din Jien.
Mellisni
kliem: Joe Chircop
mużika: Mark Spiteri Lucas
tkanta: Mikaela Bajada

Minn ċkuniti xtaqt li jkolli ħajja mlibbsa s-sliem u l-kwiet
Ngħix fil-ħemda tal-kampanja ’l hemm mill-għagħa li ssib fl-ibliet
Fil-benniena tan-natura fejn jintlibsu l-oħla lwien
Kollox f’postu f’armonija ma tarahx għaddej iż-żmien

Mellisni bi ftit benna
Li bħalha żgur ma ssib imkien
Libbisni l-ifjen libsa
Li ġiet meħjuta mill-ħolqien.
Mellisni bl-isbaħ noti
Kif jaf jgħanni l-ġojjin
Fissidni bi ftit raġġi
Tax-xemx tagħna l-Maltin.

Bogħod mill-ħsejjes tal-karozzi fejn m’hemmx dħaħen fil-madwar
Waqt li l-ħajja timxi ħienja mingħajr biża’ li l-ħin sar
Għad li bla teknolġija, mingħajr facebook, internet
Kollox jibqa’ miexi waħdu mingħajr skossi b’mod perfett

Mellisni bi ftit benna
Li bħalha żgur ma ssib imkien…

Għad li qatt ma marru skola dawn il-ħlejjaq ikellmuk
Bit-tbissima ħelwa tagħhom qatt wiċċ b’ieħor ma juruk

Mellisni bi ftit benna
Li bħalha żgur ma ssib imkien…

Tagħna l-Maltin.

 

Tama
kliem: Shyli, Jasmar Cassar, Kapitlu Tlettax
mużika: DJ Mac, David Leguesse, Shyli
ikantaw: Shyli, Jasmar Cassar ft Kapitlu Tlettax

Xemx u ragħad, tfittex id-dawl,
fid-dlam

Niftakar qiegħda noħlom mal-lejl,
li qiegħda hemm ma’ ġenbek,
qed inżommlok idejk.
Niftakar sew, qiesu llum,
Kulħadd hemm jibki kuljum
filli ħajtek tiegħek, filli f’daqqa waħda r-rota ddur

Qed nitkellem fuq tifel marid
ommna ssabbat rasha u tgiddeb lit-tabib
ħadd ma jaf il-futur
ħadd ma jaf li għandu jkun
faqqgħet sajjetta fil-bnazzi
żgur kien hemm xita kuljum.

Jikber fik,
it-tama ttir,
jikber l-uġigħ.

Ir-rota ddur,
x’jifdal fik?
Tmut ftit ftit.

Dik ħasbet li kellu marda banali
f’daqqa waħda indunat li kellu marda terminali
qatt ma ninsa ż-żminijiet,
kemm konna nilagħbu,
f’ħabta u sabta f’qiegħ ta’ sodda
kollu wġigħ u pajpijiet!

Xemx u ragħad, tfittex id-dawl,
fid-dlam

Bilqiegħda ħdejk,
l-aħħar bewsa fuq xufftejk
waqt li nkellmek narak iċċaqlaq ftit għajnejk
missier fehemni għalfejn.

X’għamilt ħazin biex minn ġo dan it-tip ta’ dlam jien għaddej?
Anzi jkolli ngħid li xtaqt li mitt jien f’dawn ix-xahrejn
nifhem għalfejn l-imħabba tmut quddiemek ma’ tista’ tagħmel xejn
dan il-wied ta’ dmugħ kellu jifred lilna t-tnejn
fuq ix-xogħol, il-ħin jieqaf waqt li nibqa’ jien għaddej
bħal dak id-dripp fil-vina li jkun qattar elf qatra malli jdoqqu s-sagħtejn
kif tista’ bla unur fi triqtek tibqa’ għaddej
meta taf li l-iskop int f’ħajtek tliftu
għalfejn taħdem issa għalxejn?
Nixtieq nitlob lill-Mulej biex jgħin lil dawk in-nies
li xi ħadd minnhom fil-ġlieda mal-kankru f’ħajtu kien għaddej

Għax mhux faċli titlef lil min ħabbejt
imqabbel mal-biki li bkejt
Mulej inħossni li għajejt
ma niflaħx iktar, ikun minni skont kelmtek
b’sogħba jien inwassal bid-dmugħ jien nitlaq
biss lilek nibqa’ nħaddan

Xemx u ragħad, tfittex id-dawl,
fid-dlam.

Ħsibt li int tlift il‑futur,
iżda x-xorti kellha ddur.

B’dak li kelli qatt ma kienet facli,
issa naf li għaddejt, b’hekk inħossni waħdi.

Qatt ma bsart li kellu jkun,
inħares lejk u qalbi tfur.

Jien inżomm il-passat, inti toffri l-futur,
għax dak li noffru flimkien naf li ħadd ma jista’ joffrih żgur.

Xemx u ragħad, jien sibt id-dawl,
fid-dlam.

Pupa tal-Plastik
kliem: Paul Ellul
mużika: Marco Debono
tkanta: Domenique
Meta kont tifla nilgħab bil-pupi.
nara kif nagħmel biex ma jweġġgħux,
mill-flixkun artab nisqi u nbennen,
taħt ftit dawl bati biex ma jibżgħux.

Xewqa bdiet tinbet ħielsa w sabiħa,
ħdani mimli bil-weġgħa tal-ħlas,
nisma’ l-bikja tqajjimni f’lejl xitwi,
ngħanni l-għanja li tnissel in-ngħas.

Pupa tal-plastik, ħu lewn id-demm,
ibki ta’ veru, għax qalbi midfuna fil-hemm.
Pupa tal-plastik, qum fuq saqajk,
imxi mar-ritmu, obdini ilqagħni f’dirgħajk.

Kemm nixtieq li jitqalu dirgħajja,
kemm nixtieq nibni album sabiħ,
demmhom demmi li jbaqbaq ġo fihom,
nimsaħ dmugħhom xħin jibżgħu mir-riħ.

Ħlomt għalxejn din il-ħolma sabiħa,
baqa’ vojt ġufi mimli b’tamiet,
baqa’ jokrob il-karba missielta,
baqa’ b’xewqa li qatt qatt ma mtliet.

Pupa tal-plastik, ħu lewn id-demm…

Bqajt inħaddan il-pupa tal-plastik,
u nbusilha ħaddejha kesħin,
xejn ma nagħmel jekk riedet is-sema,
ma jridx jimla lil qalbi f’xi ħin.

Pupa tal-plastik, ħu lewn id-demm…

Ilqagħni f’dirgħajk.

 

 Bħal Tifla Żgħira
kliem: Andy Muscat

mużika: Mark Scicluna
ikanta: Andy Muscat

Kont kwiet, qatt ma tgerger, fil-folla tispikka ma stajtx.
Fi skola enormi kont tħossok daqs tikka, ma drajtx.
Qatt ma bbrillajt fl-edukazzjoni,
fl-isport ma tantx għamilt suċċess;
dejjem tistaħba waqt il-lezzjoni,
ma turi qatt ftit interess.

X’ħa jiġri jekk f’salt nisparixxi?
Jekk fuq il-gazzetta taqr’ ismi?
Jekk fil-klassi ma taranix,
Ma terġax tismagħni?
Jekk ismi jinsab fir-rassenja
U posti fil-klassi battal,
Se jsaqsu għalija l-oħrajn jew bilkemm jindunaw?
Forsi ħsadtek bla ma naf.
Forsi bkejtni, jien fejn naf.
Ħdax-il sena ġejt misluf,
Ħabta u sabta u kont mitluf.

Kif se ndur lejn ommok li tant kienet kburija bik?
Lejn għajnejn missierek li kien lest illi jmut għalik?
Isemmu biss, lil oħtok iżgħar
Daqshekk il-kliem, fuqkom it-tnejn.
Ħarsithom ’l hemm, lejn fejn kien postok
U fejn illum ma fadal xejn.

X’ħa jiġri jekk f’salt nisparixxi?
Jekk fuq il-gazzetta taqr’ ismi?…

Tismagħhom spiss fl-aħbarijiet
Dawn il-ġrajjiet ta’ mard u mwiet.
Ma tagħtix kas għax ma tobsorx li stajt kont int.
Sakemm xi darba lilek tmiss,
Lil xi ħabib jew xi ħadd qrib.
F’ħakka ta’ għajn mingħajr avviż.

Inti ħsadtni bla ma taf
U kemm bkejtek, int qas taf.
Ħdax-il sena ġejt misluf,
Ħabta u sabta u kont mitluf

 

Ngħidlek
kliem: Joe Julian Farrugia
mużika: Miriam Christine
tkanta: Miriam Christine

Dal-ħin din qalbi tfawwar mgħannaq ħsiebi fik
Il-ħajr li kont għażiltni kemm nixtieq nurik
Niftakar żmien li għadda u tar, mar-riħ

Għalija dejjem kien hemm int fil-ferħ u d-diq
Kont sur quddiemi meta ħabbtu l-mewġiet
Matul s-snin żammejna sħaħ, flimkien

Illum li m’għadekx haw’
Jitnissel f’qalbi mrar
Għall-ħsieb li qatt ma ntqal
Irrid…

Ngħidlek
Dak li hemm mistur ġo din il-qalb
Dak il-kliem li ma stajt ngħidlek qatt
Kemm xtaqt li lissint inħobbok
Ngħidlek
Serraħ rasek, orqod, strieħ fis-sliem
Għallimtni ngħix u nħobb u nkun li jien
Ngħidlek

Minn skietek u għemilek ħadt eżempju kbir
Urejtni b’għerf x’inhu tal-ħajja t-tifsir
Biex ħajti tkun imħabba fil-ġejjien

Illum li m’għadekx haw’
Nixtieq li int tkun taf
Il-ħsieb li qatt ma ntqal
Irrid…

Ngħidlek
Dak li hemm mistur ġo din il-qalb….

U nibqa’ rrid narak
Nisimgħek kemm nixtieq
Imqar fil-ħoss tar-riħ, f’żerniq

Ngħidlek, ngħidlek
Dak li ma stajt ngħidlek qatt
Ngħidlek
Serraħ rasek, orqod, strieħ fis-sliem
Għallimtni ngħix u nħobb u nkun li jien
Ngħidlek……. Inħobbok pa.

Id-Dieher
kliem: Augusto Cardinali
mużika: Augusto Cardinali
ikantaw: Graziana Axisa u Neville Refalo

Ġieli smajthom jgħidu, dari
Għall-quddies jilbsu l-għonella,
Xi maktur imkebbeb f’rashom
Jew inkella forsi xalla.

U l-irġiel libsu s-sidrija
Ma’ xi terħa u beritta.
Minn sinjur, b’surtun u tomna
Biex bid-dehra jiddelitta.

Imma ż-żmien biddel il-ħwejjeġ.
Minn li kien, fadal biss bċejjeċ.
U d-drawwiet
Biddlu d-dehriet!

Kulħadd għandu l-ħwejjeġ tiegħu.
Kulħadd għandu l-istil tiegħu.
Illi jagħmlu dak li hu.
W għandu dritt ta’ kulma hu.
Ħwejjeġ tiegħi jiġu lili.
Ma nlibbishom qatt lil ħadd.
Kulħadd jilbes li jidhirlu
U kulħadd jgħix ma’ kulħadd.

Rajt lil dak u ġġudikatju (Ippruvajt)
Skont l-ilbies li nilbes jiena. (Accettajt)
Smajt lill-ieħor jgħid x’ser jilbes
U jaħasra ġabli ħniena.

Ippruvajt lil dik inlibbes (Indunajt)
Dawk il-ħwejjeġ li lbist jiena. (Accettajt)
Ġiet tad-daħq! Xejn ma xerqulha!
U l-inkwiet nibet u fniena.

U ndunajt, li ħwejġi tiegħi.
Aċċettajt min ma jaqbilx miegħi.
U tgħallimt
U f’qalbi fhimt!

Kulħadd għandu l-ħwejjeġ tiegħu…

Kulħadd għandu l-ħwejjeġ tiegħu…

Bħal Tifla Żgħira
kliem: Rita Pace
mużika: Marco Debono
tkanta: Maria Cassar

Nieħu gost nitkellem miegħek
Għalkemm int ma tifhimnix
Lanqas biss tweġibni lura
Xi kultant ma tagħrafnix

Nieħu ħsiebek bħal tarbija
Waħdek ma taf tagħmel xejn
Kuljum naħslek, inbiddillek
Inżommok fuq wiċċ l­idejn

U għalkemm ma tkunx trid tiekol
Jiena xorta nisfurzak
Nibża’ li tinsa xi ħaġa
Waħdek ma nistax nafdak

Bħat­tfal żgħar kuljum nitimgħek
Saħħa ftit għandek f’idejk
Kemm nixtieqek tlissen ismi
Imqar darba b’dawk xofftejk

Għax illum bħal tifla żgħira
Sirt għax għamel bik iż-żmien
U bħalma kont terfa’ lili
Illum qed nerfgħek jien

U nixtieq illi tifhimni
Meta ngħid xi nħoss għalik
Għax għalkemm inti lili nsejtni
Lilek jien qatt ma ninsik!

Jien niftakrek fl­aħjar tiegħek
Meta ma kont tegħja qatt
Kont ir­ruħ ta’ dil­familja
Dejjem tieħu ħsieb kulħadd

Niftakarni meta mbeżżgħa
Bil­lejl niġi norqod ħdejk
Waqt xi maltempata għaddejja
Idejja kont iżżomm f’idejk

Kont tgħid li l­ħajja bħal ħolma
Kemm l­ikrah u s­sabiħ
Naħseb biss f’dak li hu tajjeb
U l­ikrah malajr ninsieh

U nixtieq li wkoll din ħolma
U għad nistembħu aħna t­tnejn
Nerġgħu lura għal li konna
Jerġgħu jiddu dawk l­għajnejn!

Iżda llum bħal tifla żgħira…

Iżda llum bħal tifla żgħira…

Taptipa fuq l-Ispallejn
kliem: Emil Calleja Bayliss
mużika: Pamela Bezzina
tkanta: Michela Dalli

Minn meta tifla ċkejkna
il-ktieb dejjem ħabbejt
tant jien kont nintilef
illi niekol ġieli nsejt…

… u fi stejjer qosra
tagħlima kont insib,
nipprova dejjem nifhem
ta’ ċkejkna bla stagħġib…

Kliem m’għandix biex nuri apprezzament
żgur minn qalbi dan ringrazzjament.

Taptipa lil dal-ħbieb fuq l-ispallejn
wasslulna l-messaġġ b’dawn il-kelmtejn,
b’xi poeżija, proża jew rakkont
daħħluna fl-ifjen sfond.

Taptipa għal dal-wirt fuq l-ispallejn
għax fl-għożża tiegħu kbirt,
issaħħart b’maġija ta’ dal-kliem
illi f’leħħa jiena qrajt mill-bidu sat-tmiem.

Bil-mod il-mod bdejt nikber
niskopri tant siltiet
illi kienu tfasslu
mill-qalb bl-egħżeż ħiliet…

Kliem m’għandix biex nuri apprezzament
żgur minn qalbi dan ringrazzjament.

Taptipa lil dal-ħbieb fuq l-ispallejn…

Taptipa għal dal-wirt fuq l-ispallejn…

Naħseb jien, xi ġmiel t’identità
għandna b’dil-kitba, kburija… b’umiltà.

“Fost l-ilsna kollha, ja lsien pajjiżi,
isbaħ u bħalek jien ma narax;
ruħi mingħajrek bħal fomm imbikkem
li jrid jitkellem u ma jistax”  – ‘Ilsien Pajjjiżi’ ta’ Anastasju Cuschieri

Jekk xi wħud minnkom qegħdin hawn,
ktibt din l-għanja għalikom biex taraw,
li għad hawn nies bħali lilkom japprezzaw.

X’Se Jsir
Kantawtriċi : Corazón Mizzi

Mill-qoton issir qlejba għal tarbija tat-twelid
Mill-plastik brazzuletta roża marbuta mal-id
Miċ-ċraret tinħiet pupa, għajnejha biss buttun
Mill-karta ajruplan, mill-ġilda jsir ballun

Il-fidda u d-deheb jinħallu, isiru flus
U l-kaxxa li rmejt fit-triq saret kenn għal xi qattus
Mill-qamħ isir il-ħobż, mill-għeneb l-inbid
U siġra ssir pitazz, jew sett tas-sodda ġdid

Minna x’se jsir?
Mill-imħabba li akkumulajna tul is-snin
Tgħid tibqa’ jew ittir f’eternità li ma nifhmux
Jew daqt isirilna l-ħin?

Mir-ram issir ħabbata, jew strument tal-infiħ
U qlajja ssir verità jekk idawwarha r-riħ
Mill-ħadid isiru l-vireg għal min żbalja u qafluh
Jew min ġie bżonn l-għajnuna għax minn ġewwa muġugħ

Minna x’se jsir?
Mill-imħabba li akkumulajna tul is-snin…

Minna x’se jsir?
Mill-imħabba li akkumulajna tul is-snin…

Mill-bronz saret qanpiena tgħajtilna għall-quddies
L-irħam inqata’ u fuqu tnaqqxu l-ismijiet tan-nies

Jien Biss
kliem: Joe Julian Farrugia
mużika: Dominic Cini
tkanta: Dorcas

Dmiri mhux żgħir, nagħmlu minn qalbi
bla qatt iddejjaqt…
Iebes l-għajxien, ngħaddi kif nista’
u kull sold infaqt…

Ma jifhmunix, mhux dejjem faċli
ngħix il-ġurnata bla ħjiel tal-ġejjien…
Jaħsbuni wħud kollni kapriċċi
ma jafux min jien…

Jien l-omm u l-missier
il-kok, l-infermier
kulma jinqala’, kollox waħdi…
L-omm u l-missier
l-għalliema, x-xufier
jien biss għal uliedi, jien biss…

Ilsien in-nies dejjem jixlini
bla jaf il-passat…
Faċli jparlaw, moħħhom biss fija
jżidu fil-weġgħat…

Ma ntajjarhomx il-benefiċċji
dawk id-dritt tiegħi u qatt m’abbużajt
uliedi wkoll ħaqqhom trobbija
tajthom kulma stajt…

Jien l-omm u l-missier…

’L uliedi nixtieqhom jirnexxu
dawk żgur illi ħtija m’għandhomx
Se nibqa’ nissielet għalihom sat-tmiem
għalihom biss jien qed ngħix…

Jien l-omm u l-missier…

Xagħar Twil
kliem: Ingrid Vella
mużika: Mark Laurence Zammit
tkanta: Denise Spiteri

Waħdi nqalleb ir-ritratti
Nostalġija tal-passat:
L-ewwel darba għall-iskola
Xagħri malju u ppettnat.
Hawn ritratt kont qtajt il-frenża
Bla ma ommi kienet taf,
Kif bdejt nikber bqajt intawlu,
Qabel noħroġ nillixxah.

Kien jeħodli l-isbaħ siegħa
Sa ma nġibu lixx perfett,
Kont inħossni femminili
B’xagħri twil u mbagħad b’dublett,
Sa ma darba fuq l-investa
Bdew jaqgħuli trofof sħaħ,
Rasi mmiss u x-xagħar jiżżerżaq
Dmugħ iġelben għax kont naf…

Għalkemm nilbes xagħar ħaddieħor
Jekk tintebaħ, titnikkitx
Dak li nitlef jerġa’ jikber
… inkun tliftu għal ftit żmien

Iebsa kienet kif qaluli
Tgħidlix x’ġara dakinhar…
Kulma naf tabib kellimni
U sammarni b’dik l-aħbar.
L-għada sħabi kkonvinċewni
Xagħri naqtgħu stil qasir
Għax bir-raġġi li ordnawli
Jaqa’ x-xagħar fi żmien qasir.

Ħadt ritratt, għamilt il-make up
Min jaf hux tal-aħħar dan?
U bqajt sejr’ għand il-hairdresser,
Qaltli: “X’ħasra xagħar bħal dan…”
Mur għidilha kontra qalbi
U li għażla ma kellix,
Ftit jiem wara ratni nqaxxru
Dakinhar ma kellmitnix…

Għalkemm nilbes xagħar ħaddiehor…

Din tal-mera qatt ma rajtha,
Ma tixbaħni xejn u xejn,
Tidher vittma, tidher tbati,
Lanqas għandha mqar ħuġbejn!
Iss’hawn ġuvni jitbissimli…
Ħares lejja ġa darbtejn…
Min jaf jafx li dan mhux xagħri…
U li taħtu m’għandi xejn…

Ħadt iż-żmien biex aċċettejtha
Bis-sapport ta’ dawk li nħobb,
Li għenuni nibdel fehmti
Biex niġġieled dan l-intopp.
‘Ġa qed jikber u jisponta
Għadda wkoll dan l-eħrex żmien,
U bħal meta għadni tifla
L‑lejla naqta’ l-frenża jien.

Waħdi Miegħek
kliem: Ingrid Vella
mużika: Kaya
tkanta: Graziella Vella

Jitmelles il-mewġ, max-xtajta jitbewwes,
Riflessi tad-dwal jiżżellġu f’xulxin,
Fuq mejda għalina: inti u jiena,
Waqt ikla bejnietna għal żewġ maħbubin.

Waħdi… Miegħek…
Arani nħares lejk
Kellimni… Nisimgħek…
Agħtini mqar idejk
Ħallik minn dak il-mowbajl
Tibqax tgħix quddiem sceen
Għix issa dal-mumenti
Mumenti ta’ xulxin

Ħallik mir-ritratti tal-platt u s-sarvetta,
Bil-filters tirranġa l-kuluri tal-ħobż,
Tippostja lil sħabek li qatt ma ltqajt magħhom,
U magħhom tixxerja l-ħin tagħna t-tnejn.

Waħdi… Miegħek…

Nitbissmu għal stessu biex titfgħu dritt online
Ħa ngħoddu l-likes m’għand nies barranin
Ħa nkejlu s-suċċess tal-ikla bejnietna
Bejn żewġ maħbubin li online kull ħin.
Għax screen bi screen, aħjar bqajt id-dar
Bil-laptop int stajt issegwi aħjar
Għallinqas tkellimni, fuq twitter tpespisli
Tibgħatli l-messaġġi, billejl u bi nhar.

Waħdi miegħek.

Waħdi… Miegħek…

Waħdi… Miegħek…
Arani nħares lejk
Kellimni… Nisimgħek…
Agħtini mqar idejk

Waħdi…
Miegħek…
Waħdi…