Mistoqsijiet Frekwenti – Dwar GħTP 2021
M: Bir-regolamenti l-ġodda tas-saħħa, xorta se jsir il-festival?
T: Il-pjan hu li l-festival jittella’ fis-7 ta’ Awwisu bis-sehem tal-orkestra fi Pjazza Teatru Rjal. F’kas li r-regolamenti tas-saħħa ma jippermettux, il-festival isir skont iċ-ċirkustanzi, b’mod differenti bħas-sena li għaddiet.
M: Jista’ jkun hemm estensjoni tad-data tas-sottomissjoni tal-kanzunetti?
T: Id-dati stabbiliti fir-regolamenti ġew maħsuba sew u d-data ta’ l-għeluq tal-5 ta’April tibqa’ valida. Madankollu se nagħtu fakultà ta’ estensjoni. Min irid jagħmel użu minn din l-estensjoni, mitlub javżana fuq 99882646 (sal-4 ta’ April) biex intuh permess jissottometti l-kanzunetta sal-14 ta’April. Wara l-5 ta’ April, kull sottomissjoni tinkludi ħlas ta’ €80 minflok €60. Il-kanzunetti jintlaqgħu online mill-paġna www.ghanjafest.com/sottomissjoni-2021/ .
M: Jien se nagħlaq sittax-il sena. Nista’ nieħu sehem f’ L-Għanja tal-Poplu?
T: Min jieħu sehem fil-festival (awtur, kompożitur u kantant) irid ikun għalaq 16-il sena sa dakinhar tal-festival. Il-festival joffri palk fejn wieħed jista’ jesprimi ruħu bl-ikbar libertà permezz tal-kanzunetta. Il-festival joffri wkoll spazju għal gruppi mużikali u kantawturi li barra li jkantaw ikunu jixtiequ jakkumpanjaw il-kanzunetta tagħhom stess.
M: Il-kanzunetti ta’ L-Għanja tal-Poplu jridu jkunu b’xi tema jew stil partikolari?
T: Bħal dejjem, l-istil mużikali tal-kanzunetta huwa liberu u t-tema tal-kanzunetta hija libera wkoll. Il-festival jinkoraġġixxi l-kitba u l-kompożizzjoni ta’ kanzunetti bil-Malti ta’ kwalità, iktar milli l-kwantità (iktar dettalji jinsabu fir-regolamenti sezzjoni 2).
M: Kif nagħmel biex nissottometti kanzunetta għal L-Għanja tal-Poplu 2021?
T: L-ewwel trid tirrekordja demo tal-kanzunetta b’akkumpanjament ta’ strument jew tnejn. Jiġifieri fl-ewwel stadju mhux bilfors tissottometti rekording professjonali. Meta jintgħażlu s-semi finalisti, ikun hemm żmien biex tissottometti recording full.
M: Fil-festival jieħdu sehem kantanti stabbiliti?
T: Dan il-festival miftuħ għall-artisti stabbiliti u anke għal dawk ġodda. Il-membri tal-ġurija se jagħżlu l-aħjar kanzunetta u mhux min ikantaha. L-element ta’ kompetizzjoni qiegħed hemm biex iqanqal l-interess fil-kitba ta’ kanzunetti ta’ kwalita’ bil-Malti. Dan il-festival għandu jkun esperjenza sabiħa fi spirtu ta’ ħbiberija għal min jieħu sehem u joffri okkażżjoni fejn il-kanzunetta tiegħek tkun tista’ titgawda mill-pubbliku Malti.
M: Aħna grupp mużikali, possibli nakkumpanjaw il-kanzunetta tagħna stess?
T: Il-parteċipanti jistgħu ikunu akkumpanjati mill-orkestra biss, jistgħu jakkumpanjaw il-kanzunetti tagħhom waħedhom, u jistgħu jakkumpanjaw il-kanzunetta flimkien mal-orkestra.
M: X’inhu l-limitu ta’ nies fuq il-palk?
T: Il-limitu hu ta’ 6 persuni fuq il-palk (apparti l-orkestra). Dawn is-sitta jinkludu il-backing vocalists.
M: Minn fejn nista’ nikseb iktar dettalji?
T: Ir-regolamenti www.ghanjafest.com/wp-content/uploads/REGOLAMENTI-GhTP-2021.pdf fihom id-dettalji kollha.
M: Jekk ikolli xi diffikultà kif nista’ nikseb għajnuna?
T: Preferibilment iktbilna fl-indirizz info@ghanjatalpoplu.org jew ċempel fuq 79923522.