LEJN IL-KANZUNETTA MALTIJA AKTAR MALTIJA

Noħolqu kant fuq it-tonalità ta’ kif nitkellmu

Jikteb: JOE C AQUILINA

Hawn jien, ftit xhur ’il bogħod milli nagħlaq 69 , qiegħed nipproponilek idea li ilha tħammem ġo moħħi bosta snin. Jien minix akkademiku, la fil-Mużika u l-anqas fil-Lingwa Maltija. Però, warajja hemm ħażna ta’ mijiet (forsi eluf) ta’ kanzunetti li ktibt tul ħajti, il-biċċa l-kbira bil-Malti, fuq tema l-aktar religjuża u kultant soċjali. Imma hemm leħen isaqsini b’mod insidjuż: “Imma billi ktibt bil-Malti, b’daqshekk tista tgħid li ħloqt kanzunetta Maltija?”

Dawn l-aħħar snin għamilt kif kien għamel Gaetano Buttiġieġ u qlibt għall-Malti madwar 400 kanzunetta barranija ta’ żmieni biex inkun nista’ nkantahom fid-djar tal-anzjani. Qarribt kemm jista’ jkun l-aċċent biex min jismagħhom ikantahom faċilment. Segwejt prinċipju li, fejn nista’, jien inħalli l-ħoss oriġinali tal-kelma. Per eżempju, “Santa Luċija” qlibtha “fl-akbar ħruxija”. Qlibt ukoll ħafna innijiet bl-Ingliż għall-Malti, l-aktar popolari hu “He is Lord” li kulħadd jafha bħala “Hu l-Mulej”.

Imma b’daqshekk nista’ ngħid li dawk huma innijiet/kanzunetti Maltin? Żgur li le! Meta mbagħad nibda nanaliżża xi ktibt tul is-snin, ninduna kemm ktibt kanzunetti oriġinali li l-ħoss, l-istil, l-espressjoni huma bla ebda dubju rifless tal-kultura Amerikana/Ingliża fuq naħa u dik Taljana fuq naħ’ oħra. Imma, fl-istess ħin, jista’ jkun li xi wħud mill-għanjiet li ktibt jien jirriflettu xi ħaġa awtentikament Maltija?

Ejjew naċċettaw li l-ilsien Malti wieħed jista’ jużah għal kwalunkwe genre ta’ kanzunetta: folk, rock, rap, jazz, eċċ. Però, jien qed nippropponi genre ġdid ta’ kanzunetta Maltija: dik bażata fuq il-mużikalita’ tal-ilsien Malti kif mitkellem min-nies tallum. Mill-osservazzjoni tiegħi, waħda minn raħal f’Għawdex u oħra “tal-Pepè’” minn tas-Sliema, allavolja hemm baħar jaqsam bejnithom, xorta għandhom ton tipikament Malti li l-ebda ilsien ieħor m’għandu. Dan jgħodd ukoll għat-tonalità li tingħata lill-Ingliż ta’ Malta. Min jaf li kieku nibdew nisiltu b’mod konxju kanzunetti li jirriflettu l-inżul u t-tlajja’ ta’ kif nitkellmu? B’dan kollu jien qiegħed ngħid li hemm fattur komuni fil-Maltin ta’ kull strata tas-soċjetà u dan hu l-mod kif nitkellmu! L-ilsien mitkellem jagħmilna awtentikament Maltin.

U dan hu li rridu nirispekkjaw f’dan il-genre ġdid ta’ kanzunetta Maltija Ma rridux inkunu puristi u nċekknu l-validita’ ta’ genres oħra. Irridu nibqgħu miftuħa fl-attitudni tagħna lejn kull tip ta’ espressjoni mużikali. Però, li qed nipproponu hu li nesperimentaw fuq kanzunetti li ma jkunux biss bil-Malti imma li jkunu msensla mil-mod naturali kif jitkellmu n-nies tallum.

Jekk wieħed jieħu dil-ħaġa bis-serjeta’ din tinvovli eżerċizzju multi-dixxiplinarju, l-aktar bejn il-Lingwistika u bejn il-Mużika jekk mhux ukoll l-Informatika. Jeżistu strumenti xjentifiċi jkejlu il-“kantaliena” ta’ kif bniedem jitkellem. Dan jista’ jkun ta’ għajnuna għall-artist li mbagħad irid joħloq melodija li tirrispekkja b’mod ovvju is-sentenzi kif mitkellma mill-Malti tallum.

Jien naħseb li kieku biss wieħed jieħu dawk l-espressjonijiet ta’ stagħġib u kif wieħed jistaqsi mistoqsija naħseb li hemm isib baħar ta’ melodiji minn fejn jagħżel. L-istess jgħodd għall-idjomi u proverbji. Sinċerament naħseb li tista’ tinħoloq mużika li malli tismagħha mill-ewwel tinduna li għandha ħoss Malti.

Jien kont sajjem totalment għal kif pajjiżi li jitkellmu bl-Għarbi jesprimu ruħhom, għalkemm xrobt ftit mil-mod ta’ kif il-Lhud jesprimu ruħhom. Nixtieq nagħmel din ir-riflessjoni: jista’ jkun li l-ħoss Semitiku Malti jirrikjedi mhux biss semi-tones imma wkoll quarter tones? Jista’ jkun li aħna limitati milli nesprimu l-ilsien Malti minħabba li aħna mxekklin mil-limitazzjonijiet ta’ qabżiet b’tarġiet ta’ semi-tones? Jista jkun li jekk ninfetħu biex nedukaw ruħna għall-melodiji Għarab, mingħajr ma nixxadinjaw u nikkuppjaw sfaċċatament, nistgħu aktar niġu spirati għal aktar kreattivita’.

Ma rridux inħarsu lura lejn il-passat imma biss lejn is-sitwazzjoni tal-Malti tallum, għalkemm wieħed ma jistax ma jammirax l-eżempju ta’ Frans Baldacchino il-Budaj li jagħmel varjazzjonijet fil-kant u l-għana tiegħu li jirrendu xi ħaġa tradizzjonali aktar ħelwa għal widnejna. Insellem ukoll bosta kompożituri Maltin bħal Manwel Mifsud, Philip Vella, Walter Micallef, Vince Fabri, Corzon u oħrajn li fittxew jagħtu bixra Maltija awtentika lix-xogħlijiet li tawna. L-istess ħafna kompożituri li ħadu sehem fl-Għanja tal-Poplu li b’mod espliċitu, imma ħafna drabi impliċitu, irrendew il-mod kif nitkellmu b’termini mużikali. Imma li għadda m’għandniex nirxuxtawh għall-iskop ta’ dan l-eżerċizzju imma niffokaw biss x’nistgħu nipproduċi minn hawn ’il quddiem.

Nistidinkom għal din l-avventura biex inwelldu xi ħaġa sabiħa flimkien.

Dan id-daqsxejn ta’ pajjiż m’għandux jitlef l-uniċità tiegħu f’dik li hi lingwa imħaddma tajjeb kemm fil-kitba, fil-konverżazzjoni u fil-kant. Nistedinkom li flimkien nidħlu għal din l-avventura biex niktbu għanjiet li jesprimu b’mod mużikali awtentiku l-ħsibijiet l-aktar profondi tar-ruħ Maltija.

Nisma’ minn għandek.

JOE C AQUILINA (tista tikkuntattjani fuq joedoris@melita.com jew iċċempilli fuq 99220252. Zoom/Skype possibli wkoll)

Mario Debono flimkien ma’ Joe C. Aquilina jistednuk tingħaqad f’dan il-proġett

Biex Inkantaw Kif Nitkellmu

Għażiż/a,

Insellilmlek u nistiednek taqra din il-kitba li ktibt wara li qrajt il-kitba ta’ ħabibi Joe C Aquilina.

Jiena nipprova napprezza dak kollu li hu Malti, jekk ikun ta’ valur u ta’ livell. Naħseb wkoll li l-ilsien Malti hu rikk biżżejjed biex bih tesprimi ruħek fi kwalunkwe sitwazzjoni. Dan jgħodd speċjalment għall-kanzunetta.

Però, bħal Joe, qed ninnota li l-lingwa Maltija għandha intonazzjoni, tonalità, ritmi u aċċenti li jistgħu jiġu sfruttati. Hekk dawn kollha flimkien jistgħu jkunu għajn ta’ melodiji u stili interessanti u kontemporanji. Dan ġa sar minn xi kantawturi, awturi u kompożituri, xi drabi sforz ix-xewqa għall-awtentiċità.

Il-ħsieb tiegħi hu li din l-idea tinfirex għal awturi, kompożituri u kantawturi oħrajn. L-iskop hu li jinħolqu kanzunetti ġodda, friski, moderni li jkunu mnebbħa minn kif aħna l-Maltin tallum qegħdin nużaw l-ilsien sabiħ tagħna.

Jien u Joe miftuħa għal kull tip ta’ sperimentazzjoni u ma neskludu bl-ebda mod li stili barranin jistgħu jinfluwenzaw il-kanzunetta Maltija. Imma aħna ngħożżu b’mod speċjali l-lingwa tal-poplu li, forsi bla ma jaf, meta jitkellem ġa qed ikanta! Però, aħna stess ma nixtiqux inkunu mxekkla milli noħolqu melodiji li jkunu msejsa fuq ritmi barranin, imma b’mod konxju, nixtiequ niskopru flimkien kif nitstgħu noħolqu tip ta’ kanzunetta li l-melodija tagħha, b’mod konxju tirrifletti l-uniċita’ ta’ kif nitkellmu.

Nixtieq nistiednek tingħaqad magħna f’dan il-proġett u lesti nilqgħu minn għandek kull tip ta’ kontribuzzjoni, għajnuna jew suġġeriment, imma l-iktar li tkun għal qalbna hi l-parteċipazzjoni tiegħek.

Nitolbok tikkunsidra li tilqa’ din l-istedina.

Mario Debono

Indirizz elettroniku: mariotalkitarra@gmail.com Mobile: 99834730