IR-REBBIEĦA

TAL-45 EDIZZJONI TA’ L-GĦANJA TAL-POPLU

Festival Tal-Kanzunetta Maltija

L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija ttella’ s-Sibt 7 ta’ Awwissu fi Pjazza Teatru Rjal bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra taħt id-direzzjoni tal-Mro Joe Brown. Il-festival kien imxandar live fuq TVM bil-preżentazzjoni ta’ Ray Calleja. Għal dan il-festival daħlu 178 kanzunetta.

Il-kanzunetta ‘Fuq L-Ixkaffa’ interpretata minn Sean Borg fuq kliem u mużika ta’ Philippa Naudi u Bettina Muchmore rebħet it-titlu ta’ L-Għanja tal-Poplu 2021. Il-kanzunetta rebbieħa tagħti leħen lill-ħsibijiet ta’ dawk kollha li xi darba jew ohra ħassew li ma setgħux jesprimu lilhom infushom.

Il-kanzunetta ‘Is-Sirena Li Welldet it-Tama’ kantata minn Haley Azzopardi u miktuba minn Paul Ellul, b’mużika ta’ Mark Spiteri Lucas ġiet ikklassifikata fit-tieni post. Il-kanzunetta tiddeskrivi l-atmosfera waqt iċ-ċirkostanza traġika tal-mewt ta’ Miriam Pace li ntradmet taħt it-terrapien ta’ darha stess.

Il-grupp MeadowStrings magħmul minn Mario Camilleri u Magdalene Farrugia rebħu t-tielet post bil-kanzunetta ‘Niftakar’ fuq kliem u mużika tagħom stess. L-għanja tal-grupp ispirata minn emozzjonijiet ta’ mħabba. Il-grupp MeadowStrings rebħu wkoll il-premju għall-aħjar kantawtur.

Il-premju għall-interpretazzjoni ntrebaħ mill-aħwa Dario u Grecia Bezzina bil-kanzunetta ‘Il-Bajtar Sar’. Miktuba minn Rita Pace u b’ kompożizzjoni ta’ Dario stess, il-kanzunetta titkellem fuq ir-relazzjoni ta’ koppja hekk kif jgħaddi ż-żmien.

Il-premju għall-aħjar tema soċjali mar għand Mark Laurence Zammit bil-kanzunetta ‘Se Nirranġaw’ interpretata minn Dominic Cini u Anna Azzopardi. Din il-kanzunetta fiha battibekk bejn koppja bi twemmin politiku differenti imma li fl-aħħar jirranġaw.

Il-mistiedna speċjali kienet Marilyn Aquilina, ir-rebbieħa ta’ L-Għanja tal-Poplu 2020 li interpretat il-kanzunetta tagħha ‘Jien u Int’ akkumpanjata mill-kitarristi David Baldacchino u Luke Deguara.

Il-kumitat ta’ L-Għanja tal-Poplu ta l-premju L-Għanja Li Tibqa’ lil Enzo Gusman għas-sehem siewi tiegħu fil-kamp tal-kanzunetta Maltija.

L-Għanja tal-Poplu huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti u mill-Valletta Cultural Agency.