Il-ħames edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ ser tittella’ il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu 2019 fit-teatru tal-kulleġġ San Benedittu Ħal Kirkop. Bħas-sena li għaddiet il-kanzunetti finalisti jinstemgħu akkumpanjati mill-Malta Concert Orchestra li ser tkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joe Brown u Mro Paul Abela.
Il-kumitat qed jippubblika linji gwida filwaqt li jħeġġeġ lil żgħażagħ u adoloxxenti li għandhom għal qalbhom il-kanzunetta bil-Malti biex jipparteċipaw. Id-data li fiha ser jinġabru is-sottomissjonijiet tal-kanzunetti hija it-Tlieta 27 ta’ Novembru 2018. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn www.ghanjafest.com
Il-festival hu organizzat mill-kumitat L-Għanja tal-Poplu flimkien mal-Kulleġġ San Benedittu bis-sapport tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Akkademja tal-Malti u Aġenzija Żgħażagħ. Il-Malta Concert Orchestra ta’ Pjazza Teatru Rjal qed toffri grupp ta’ mużiċisti li ser jakkumpanja l-kanzunetti taħt id-direzzjoni ta’ Mro Paul Abela u Mro Joe Brown, b’ħidma id f’id mal-kompożituri tal-kanzunetti finalisti.
Ara regolamenti: www.ghanjafest.com/linja-gwida-ghtp-z-2019