2017 (41 Edizzjoni)
Regolamenti
Formola tal-Applikazzjoni 2017
© L‑Għanja tal‑Poplu 1973 – 2017 (VO/0574)
W: www.ghanjafest.com E: ghanjatalpoplu@gmail.com
T: 21233893 H: 21683761 M: 79923522
Avviż: L-eliminatorji pjanati għall-1, 2 u 3 ta’ Ġunju ser ikunu posposti minħabba l-elezzjoni. Id-dati jitħabbru hekk kif ikunu deċiżi.
- IL‑FESTIVAL
1.1 Il‑festival L‑Għanja tal‑Poplu ‑ huwa festa ta’ kanzunetti oriġinali bil‑Malti, interpretati u akkumpanjati live.
Din is-sena (2017), il-festival hu organizzat mill-kumitat L-Għanja tal-Poplu flimkien ma’ Pjazza Teatru Rjal u b’kollaborazzjoni mal-Akkademja tal-Malti. Il-Malta Concert Orchestra ser tkun qed tagħti s-sehem tagħha f’dan il-festival b’ħidma id f’id mal-kompożituri tal-kanzunetti finalisti.
Il-festival qed jittella’ bis-sapport tal-Kunsill Malti għall-Arti permezz tal-ftehim ta’ sħubija kulturali (Cultural Parnership Agreement) ta’ tlett snin li sar mal-Għanja tal-Poplu.
1.2 L‑għanijiet ewlenija tal‑festival huma:
(a) li jġib ’il quddiem il‑kanzunetta Maltija ta’ kwalità;
(b) li joħloq opportunità biex il‑kompożituri u l‑awturi jwasslu l‑kanzunetta tagħhom lill‑publiku Malti;
(ċ) li, anke wara l‑festival, ikompli jgħin lill‑artisti Maltin isibu udjenza dejjem ikbar għall‑kanzunetta tagħhom.
1.3 Il‑festival jiżvolġi fi tlett fażijiet:
(a) l‑ewwel fażi tal‑għażla, li fiha mill‑kanzunetti kollha sottomessi jintgħażlu l‑aħjar 48 kanzunetta.
(b) It‑tieni fażi tal‑għażla, li fiha jitkantaw l-48 kanzunetta quddiem il-ġurija, u minnhom jintgħażlu l‑kanzunetti finalisti.
(ċ) Is-serata finali, fejn jitħabbru r-rebbieħa.
2. IL‑KANZUNETTI
2.1 Biex jidħlu għall‑festival il‑kanzunetti jridu jkunu:
(a) oriġinali, jiġifieri l‑lirika u l‑mużika tagħhom qatt ma jkunu ġew ippubblikati;
(b) bil‑Malti;
(ċ) mhux itwal minn tliet minuti u nofs.
2.2 It‑tema tal‑kanzunetta hija libera, jiġifieri tista’ tittratta kull suġġett. Id-direzzjoni tixtieq iktar varjazzjoni kemm fil-lirika kif wkoll fil-kompożizzjoni.
Dan il‑festival jinkoraġġixxi l‑kitba ta’ kanzunetti li jesprimu l‑esperjenzi, il‑gosti, ix‑xewqat, ir‑relazzjonijiet u l‑aspirazzjonijiet kemm personali, kif ukoll kollettivi, jiġifieri bħala poplu fuq din il‑ġżira jew bħala ċittadini tad‑dinja.
Nota: L-awtur jista’ jikteb fuq dak li jrid, u mhux bilfors fuq tema soċjali. Din is-sena mhux ser ikun hemm il-premju għat-tema soċjali biex nidderieġu l-festival lejn iktar varjetà fis-suġġetti. Anke f’dak li hu stil mużikali, il-lingwa Maltija hija addatata biex tkun interpretata b’diversi stili mużikali.
2.3 L‑istil mużikali tal‑kanzunetti huwa liberu.
2.4 Il‑kanzunetti ser jiġu ġġudikati skont il‑kliem u l‑mużika u r‑rabta ta’ bejniethom.
2.5 Il‑kanzunetti b’tema vulgari u/jew ta’ propaganda partiġġjana ma jiġux aċċetati.
2.6 Persuni involuti fl-organizzazzjoni tal-festival kif wkoll id-diretturi tal-orkestra ma jistgħux jkollhom sehem fil-produzzjoni ta’ kanzunetti li ser ikunu sottomessi fil-festival.
3. IS-SOTTOMISSJONI TAL‑KANZUNETTI
3.1 Tista’ tiġi ppreżentata iktar minn kanzunetta waħda għall‑eliminatorja.
3.2 Il-kanzunetta trid tkun rrekordjata fuq CD. Il‑kliem għandu jkun jinftiehem u l‑melodija tkun tirrifletti kif ser tkun akkumpanjata l‑kanzunetta fl‑istadju finali.
3.3 Għal kull kanzunetta jrid jiġi ppreżentat envelop A4 separat li jkun fih:
(a) recording tal‑kanzunetta fuq CD li fuqu jkun hemm miktub biss l‑isem tal‑kanzunetta;
(b) għaxar kopji tal‑lirika;
(ċ) l‑applikazzjoni għall‑parteċipazzjoni, mimlija mill‑parteċipanti, iffirmata mill-awtur u kompożitur.
(d) kontribuzzjoni ta’ €50
(Jekk l-awtur, il-kompożitur u l-kantant jew tnejn minnhom attendew il-Forum fl-14 u fil-21 ta’ Jannar 2017, jingħataw reimbors ta’ €20 għall-kull kanzunetta.)
L‑envelops tal‑kanzunetti jintlaqgħu fl‑uffiċċju tal‑Għanja tal‑Poplu, 227 Triq il‑Merkanti, il‑Belt, nhar Il-Ħamis 11 ta’ Mejju 2017 , mill-10:30–12:00 u mis-18:00 sad-21:00.
4. L-ELIMINATORJA
4.1 Għall-iskop ta’ dawn ir-Regolamenti:
– PARTEĊIPANT tfisser “persuna jew grupp li jkollha sehem fil-ħolqien tal-kanzunetta bħala awtur tal-versi jew kompożitur tal-mużika”.
– INTERPRETU tfisser “persuna/i li jkollha/hom sehem fit-twassil tal-kanzunetta lill-udjenza”. Dan jinkludi kantant/a/i jew mużiċist/a/i.
– KANTAWTUR tfisser “persuna /grupp li jinterpreta kanzunetta bi kliem u mużika tal-persuna / grupp stess”
4.2 Il‑ġurija tal‑eliminatorja tkun magħmula minn persuni esperti fil‑lirika, fil‑mużika jew fit‑tnejn.
4.3 Il‑ġurija tal‑eliminatorja tiġġudika qabelxejn il‑kwalità tal‑lirika u l‑melodija tal‑kanzunetti u r‑rabta ta’ bejniethom, u mhux il‑preżentazzjoni jew il‑kwalità akustika tagħhom. Mhux mitlub recording demo ta’ kwalità professjonali. B’hekk parteċipant jista’ jevita spejjeż żejda.
4.4 Kanzunetta li tkun intgħażlet bħala finalista ma tistax tiġi rtirata mis‑serata finali jew mis‑CD uffiċjali tal‑festival.
5. IL‑FAŻI FINALI
5.1 Kull parteċipant u interpretu ta’ kanzunetta ppreżentata fis‑serata finali tal‑festival għandu jkollu/ha sittax‑il sena jew iktar sat-2 ta’ Settembru 2017.
5.2 Fis‑serata finali kantant/a jew grupp jista’/tista’ jinterpreta/tinterpreta sa żewġ kanzunetti.
5.3 Fis‑serata finali, il-Malta Concert Orchestra (taħt it-tmexxija ta’ Mro Joe Brown u Mro Paul Abela) ser tkun għad‑dispożizzjoni ta’ dawk li jridu jagħmlu użu mis-servizz tagħha. Il‑parteċipanti tal‑finali jridu jiddikjaraw min ser jakkumpanja l‑kanzunetta. Jeżistu tlett possibiltajiet:
jew (a) li jkantaw u jakkumpanjaw il‑kanzunetta huma stess, u jsiru l-provi meħtieġa fejn tkun assikurata l-kwalita’;
jew (b) li jkantaw u jkunu akkumpanjati kompletament mill‑orkestra.
jew (ċ) li jkantaw u jdoqqu strument/i u jkunu megħjunin mill‑orkestra.
5.4 Fil-kas 5.3 (b) u (ċ), l-akkumpanjament ser ikun kif jixtieq il-kompożitur. F’kas ta’ diffikulta l-aħħar deċiżjoni hija dik tal-kumitat organizzattiv.
5.5 L-arranġament mużikali jista’
jew (a) isir kompletament mill-kompożitur tal-kanzunetta bi ftehim mad-diretturi tal-orkestra, u jitlesta sal-14 ta’ Lulju 2017;
jew (b) isir mid-diretturi tal-orkestra bi ftehim mal-kompożitur tal-kanzunetta.
– Il-parteċipanti, jekk jħossu l-bżonn, jistgħu jipprovdu xi strumentazzjoni a` spejjes tagħhom, u bi ftehim mad-diretturi tal-orkestra.
5.7 Il-backing vocals jipprovduhom il-parteċipanti.
5.8 Grupp mużikali jista’ jkun fih sa 7 elementi, inklużi l-kantanti prinċipali.
6. APPUNTAMENTI
L-Erbgħa, 15 ta’ Marzu, 2017 | Jitħabbru ir-regolamenti |
Il-Ħamis, 11 ta’ Mejju, 2017 | Sottomissjoni tal-kanzunetti, mill-10:30-12:00 u mis-18:00-21:00, fl-uffiċċju tal-Għanja tal-Poplu, YTC, 227, Triq il-Merkanti, il-Belt. |
Tielet ġimgħa ta’ Mejju, 2017 | Jitħabbru l-aħjar 48 kanzunetta skont il-ġurija, u jinqasmu fi tlett settijiet ta’ 16-il kanzunetta. |
Il-Ħamis, l-1 ta’ Ġunju, 2017
(posposta) |
Jinstemgħu l-ewwel sett kantati live akkumpanjati mill-playback . |
Il-Ġimgħa, 2 ta’ Ġunju, 2017
(posposta) |
Jinstemgħu t-tieni sett kantati live akkumpanjati mill-playback |
Is-Sibt, 3 ta’ Ġunju, 2017
(posposta) |
Jinstemgħu t-tielet sett kantati live akkumpanjati mill-playback. |
Jitħabbru l-finalisti | |
Issir laqgħa tal-parteċipanti finalisti mad-diriġenti tal-orkestra biex naraw kif ser ikunu interpretati il-kanzunetti. | |
Il-Ġimgħa, 28 ta’ Lulju, 2017 | Ir‑rikordings tal‑kanzunetti finalisti jridu ikun lesti. |
Mill-Ħadd, 20 ta’ Awwissu, 2017 | Provi mal-orkestra |
Mill-Ħadd,27 ta’ Awwissu, 2017 | Provi fi Pjazza Teatru Rjal |
Prova ġenerali (Possibilta’ li tattendi ġurija) | |
Is-Sibt, 2 ta’ Settembru, 2017 | Serata finali – Pjazza Teatru Rjal, |
6.2 Min se jieħu sehem fil‑festival irid ikun lest li jattendi għall-provi u s-serati finali.
7. IS‑SERATI FINALI
7.1 Il‑kanzunetta li titkanta fil‑finali trid tkun l‑istess kanzunetta, fil‑lirika u l‑melodija, li tkun ġiet ippreżentata fl‑eliminatorja. Korrezzjonijiet wara l‑eliminatorja jistgħu jsiru bl‑approvazzjoni tal‑kumitat organizzattiv.
7.2 Filwaqt li wieħed għandu jippreżenta u jinterpreta l‑kanzunetta bl‑iktar mod xieraq għas‑suġġett, ta’ min ifakkar li l‑esaġerazzjoni fil‑moviment, fl‑ilbies, fiż‑żfin, fil‑mima, eċċ. tista’ taljena l‑attenzjoni tal‑udjenza mil‑lirika u l‑melodija, li huma l‑qofol tal‑kanzunetta.
7.3 Il‑ġurija fis-serati finali tkun magħmula minn persuni esperti fil‑lirika, fil‑mużika jew fit‑tnejn, li jkunu differenti mill‑ġurija tal‑eliminatorja. Hemm il-possibilta’ li waqt il-prova ġenerali tattendi ġurija popolari magħżula mill-kumitat organizzattiv, li jkollha vot li jingħadd ma’ dak tal-ġurija esperta.
8. IL‑PREMJIJIET
8.1 Ir‑rikonoxximent tal‑awturi u l‑kompożituri tal‑kanzunetti kklassifikati fl‑ewwel tlett postijiet jikkonsisti fi trofew għall‑awtur, ieħor għall‑kompożitur u trofew ieħor lill‑kantant/a, kif ukoll
- €1500 lill‑kanzunetta klassifikata fl‑ewwel post JEW ħlas sa €2000 f’għajnuna lill-kantant/grupp biex jipparteċipa/w f’attivita’ mużikali ta’ kwalità barra minn Malta, magħżula mill-Għanja tal-Poplu.
- € 600 lill‑kanzunetta klassifikata fit‑tieni post;
- € 400 lill‑kanzunetta klassifikata fit‑tielet post.
8.2 L‑awtur u l‑kompożitur tal‑kanzunetta rebbieħa tal-festival jingħatalhom it‑trofew L‑Għanja tal‑Poplu li jinżamm sal‑edizzjoni tal‑festival ta’ wara.
8.3 Ir‑rikonoxximenti jinkludu wkoll:
- trofew lill‑kantant/a jew grupp bl‑aħjar interpretazzjoni,
- trofew għall‑oriġinalita’ tal-kanzunetta
- trofew għall-aħjar kantawtur jew grupp
9. IL‑PUBBLIĊITÀ U S‑CD TAL‑FESTIVAL
9.1 Il‑kanzunetti, il‑parteċipanti u l‑interpreti finalisti tingħatalhom pubbliċità fuq il‑mezzi tax‑xandir, ir-radju, it-televiżjoni u l-internet. Il‑parteċipanti huma mitluba jikkoperaw kemm jistgħu mal‑kumitat organizzattiv biex din il‑pubbliċità tkun tista’ ssir bl‑aħjar mod.
9.2 L-Għanja tal-Poplu ikollu id‑dritt li jibqa’ jxandar dawn ir‑recordings għal skop ta’ promozzjoni tal‑festival. Id‑drittijiet tal‑kanzunetta jibqgħu tal‑awtur u kompożitur.
9.3 Bħal kull sena, il‑kumitat tal‑festival jippubblika CD uffiċjali tal‑festival bil‑kanzunetti finalisti kollha. Ir‑rikording finali ta’ dawn il‑kanzunetti jrid ikun lest sal‑Ġimgħa 28 ta’ Lulju 2017.
9.4 L‑organizzaturi tal‑festival ikollhom id‑dritt jinkludu l‑kanzunetti finalisti fis‑CD tal‑festival u jbigħu s‑CD.
10. Dawn ir‑regolamenti huma suġġetti għal tibdiliet mill‑kumitat L‑Għanja tal‑Poplu. Id‑deċiżjonijiet tal‑kumitat huma finali.
Is‑sehem tiegħek f’dan il‑festival għandu jkun esperjenza pożittiva għall‑karriera tiegħek. Għalhekk inħeġġuk tipparteċipa. Jekk għandek xi mistoqsija jew diffikultà, nistednuk tikkuntattjana pemezz tal-email ghanjatalpoplu@gmail.com . Min‑naħa tagħna, se nżommuk aġġornat/a b’dak li jkun qed jiġri permezz tal‑websajt www.ghanjafest.com u facebook: ghanjatalpoplu
Jekk għandek xi ħbieb li jista’ jinteressahom li jieħdu sehem fil‑festival, ħajjarhom jipparteċipaw.
© L-GĦANJA TAL-POPLU (2017)