L-GĦANJA TAL-POPLU
Regolamenti

It-48 Edizzjoni (2024)

L-Għanja tal-Poplu 1973 – 2024 (VO/574)

Nistednuk tipparteċipa

fit-48 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija

Is-Sibt 3 ta’ Awwissu 2024 fi Pjazza Teatru Rjal
bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra.

L-Għanja tal-Poplu qed jittella’ b’kollaborazzjoni ma’ Pjazza Teatru Rjal u huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti.

1. IL-FESTIVAL

1.1 Il-festival L-Għanja tal-Poplu huwa festa ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti, interpretati u akkumpanjati live bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra.

Il-festival hu organizzat mill-għaqda L-Għanja tal-Poplu bil-kollaborazzjoni tal-Malta Concert Orchestra u ta’ Pjazza Teatru Rjal. L-Għanja tal-Poplu huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti.

1.2 L-għanijiet ewlenin tal-festival huma:

(a) li jġib ’il quddiem il-kanzunetta Maltija ta’ kwalità;
(b) li joħloq opportunitajiet biex il-kompożituri u l-awturi jwasslu l-kanzunetta tagħhom lill-pubbliku Malti;
(ċ) li, anke wara l-festival, ikompli jgħin lill-artisti Maltin isibu udjenza dejjem ikbar għall-kanzunetta tagħhom.

1.3 Il-festival jiżvolġi fi tliet fażijiet:

(a) l-ewwel fażi tal-għażla, li fiha mill-kanzunetti kollha sottomessi jintgħażlu numru ta’ semifinalisti;
(b) it-tieni fażi tal-għażla, li fiha jinstemgħu l-kanzunetti semifinalisti live, u minnhom jintgħażlu l-kanzunetti finalisti;
(ċ) is-serata finali, L-Għanja tal-Poplu, li se ssir is-Sibt 3 ta’ Awwissu 2024, fejn jitħabbru r-rebbieħa.

2. IL-KANZUNETTI

2.1 Biex jidħlu għall-festival il-kanzunetti jridu jkunu:

(a) oriġinali, jiġifieri l-lirika u l-mużika tagħhom qatt ma jkunu ġew ippubblikati jew imxandra;
(b) b’lirika bil-Malti;
(ċ) mhux itwal minn tliet minuti u ħamsa u erbgħin sekonda.

2.2 It-tema tal-kanzunetta hija libera, jiġifieri l-awtur jista’ jikteb fuq dak li jrid. Napprezzaw kanzunetti ġenwini li jesprimu l-esperjenzi u s-sentimenti tal-awtur.

Dan il-festival jinkoraġġixxi l-kitba ta’ kanzunetti ta’ kwalità li jesprimu l-ħsibijiet, l-esperjenzi, il-gosti, ix-xewqat, ir-relazzjonijiet u l-aspirazzjonijiet kemm fuq bażi personali, kemm bħala poplu fuq din il-gżira, kemm bħala ċittadini tad-dinja.

Il-kanzunetti parteċipanti mhux bilfors ikunu fuq xi tema soċjali. Kanzunetti b’tema ta’ mħabba jew ħbiberija, umoristiċi jew satiriċi, jew fuq xi element jew esperjenza fil-ħajja tagħna, għandhom ukoll post f’dan il-festival.

2.3 L-istil mużikali huwa liberu.

Il-lingwa Maltija tadatta ruħha sew biex tkun interpretata b’diversi stili mużikali. Tajjeb għaldaqstant li wieħed jesplora idjomi u stili ġodda u innovattivi.

Infakkru li fl-arranġament mużikali, m’hemmx għalfejn li jintużaw l-istrumenti kollha provduti fl-orkestra jew kompjuter. Kultant l-użu għaqli ta’ strument/i li jispikka/w jagħti/u karattru lill-kanzunetta. Strumenti oħra jekk hemm bżonn, jistgħu jintużaw fl-isfond. Fl-istess ħin, il-kliem għandu jinstema’ ċar u jinftiehem, u m’għandux ikun midfun fil-mużika.

2.4

Fl-ewwel fażi, il-ġurija tisma’ rikording tal-kanzunetti u tiġġudika u jingħataw marki fuq il-kliem u l-melodija.

Fit-tieni fażi – semifinali, il-kantant/a/i prinċipali jinterpreta/w il-kanzunetta live (bir-recorded backing li jista’ jinkludi backing vocals). Il-ġurija tiġġudika fuq kliem u mużika u kemm il-kanzunetta hi adattata għall-festival.

Fit-tielet fażi – finali, il-kanzunetti kantanti u akkumpanjati live jiġu ġġudikati minn ġurija popolari u ġurija professjonali. Il-ġurija popolari se jkollha saħħa daqs il-ġurija professjonali fil-klassifikazzjoni tal-kanzunetti fl-ewwel tlett postijiet.

Il-ġurija professjonali tassenja l-premjiet għall :-

· L-aħjar Interpretazzjoni
· L-aħjar Kantawtur

· L-aħjar Tema Soċjali

F’kull fażi, il-ġuriji jiġġudikaw bl-akbar liberta’ u l-marki u d-deċiżjonijiet tal-ġurija jkunu ivverifikati minn nutar.

2.5 Il-kanzunetti, b’tema vulgari jew ta’ propaganda partiġġjana ma jiġux aċċettati.


3. IS-SOTTOMISSJONI TAL-KANZUNETTI

Is-sottomissjoni tal-kanzunetti se tkun online mill-Erbgħa 28 ta’ Frar sal-Erbgħa 27 ta’ Marzu 2024 fit-8pm.

Tingħata ċans ta’ estensjoni għas-sottomissjoni sa mhux iktar tard mit-8 ta’ April. Fil-kas li tiġi bżonn din l-estensjoni, ikkuntatjana minn qabel fuq 99882646 sa mhux iktar tard mis-26 ta’ Marzu 2024.

Biex tissottometti kanzunetta:

Idħol fil-link tal-applikazzjonijiet u segwi l-istruzzjonijiet. Se tintalab tehmeż:

a) fajl tal-kanzunetta format mp3 bil-vuċiji/iet.

b) dokument pdf bil-lirika tal-kanzunetta miktuba b’Malti tajjeb u bit-tipa tal-Malti. Tiktibx ismijiet ta’ awturi, kompożituri jew kantanti f’dan id-dokument.

ċ) Scan (preferibilment pdf) tal-applikazzjoni għall-parteċipazzjoni, mimlija u ffirmata mill-awtur u l-kompożitur.

Semmi kull fajl bl-isem tal-kanzunetta.

d) Ħallas kontribuzzjoni ta’ €70. Tista’ tħallas permezz tal-Paypal jew bank transfer jew cheque. Fil-każ ta’ bank transfer, fil-“payment reference” ikteb l-isem tal-kanzunetta. (Il-ħlas tas-sottomissjoni wara is-27 ta’ Marzu 2024 ikun ta’ €90 flok €70.)

L-Għanja tal-Poplu jibgħat konferma permezz ta’ email li l-applikazzjoni ġiet milqugħa. F’każ ta’ diffikultà iktbilna fuq: ghanjatalpoplu@gmail.com .

4. L-ELIMINATORJI

4.1 Fl-ewwel fażi tal-eliminatorja, il-ġurija tagħżel numru ta’ kanzunetti semifinalisti minn fuq ir-rekording. Il-ġurija tal-eliminatorja se tagħmel enfasi qabelxejn fuq il-kwalità tal-lirika kif ukoll il-melodija tal-kanzunetti u r-rabta ta’ bejniethom. F’dan l-istadju r-recording mhux bilfors ikun professjonali jew fil-verżjoni finali tiegħu. F’kull kas, il-kliem għandu jinstema’ ċar u jkun jinftiehem.

4.2 Għas-semifinali, ir-recording tal-backing vocals kif ukoll l-orkestrazzjoni jkunu simili għal dawk li se jkunu ppubblikati fil-finali.

4.3 Fil-finali l-kanzunetti jridu jkunu interpretati minn kantanti differenti. Kantant/a jista’ jkanta sa żewġ kanzunetti fis-semifinali. F’każ li jkunu se jgħaddu żewġ kanzunetti tal-istess kantant għall-finali, tgħaddi biss dik il-kanzunetta li tkun marret l-aħjar.

4.4 Kanzunetta li tkun intgħażlet bħala finalista ma tistax tiġi rtirata mis-serata finali jew mill-pubblikazzjonijiet tal-festival.

5. IL-FAŻI FINALI

5.1 Kull parteċipant (awtur, kompożitur u kantant) ta’ kanzunetta ppreżentata fis-serata finali tal-festival għandu jkollu/ha sittax-il sena jew iktar sat-3 ta’ Awwissu 2024.

5.2 Fis-serata finali, il-Malta Concert Orchestra se tkun għad-dispożizzjoni ta’ dawk li jridu jagħmlu użu mis-servizz tagħha. Il-finalisti jridu jiddikjaraw kif se tkun akkumpanjata l-kanzunetta. Jeżistu żewġ possibiltajiet:

a) li l-kantant/i jkun/u akkumpanjat mill-orkestra; u jekk ikun hemm bżonn jinkludi/u strument jew tnejn provduti mill-parteċipant stess.

b) li l-parteċipanti jinterpretaw u jkantaw il-kanzunetta tagħhom mingħajr l-orkestra. F’każ li tieħu sehem band, din ma jkunx fiha iktar minn sitt elementi (inkluż il-kantant/i prinċipali).

Kull kanzunetta jista’ jkollha sa’ massimu ta’ 4 backing vocalists li jkunu f’post fiss.

5.3 Il-finalisti li jagħżlu li jkunu akkumpanjati mill-orkestra, għandhom jipprovdu l-arranġament mużikali huma sa mhux aktar tard mis-17 ta’ Ġunju 2024. L-orkestrazzjoni trid tirrifletti ir-rikording finali tal-kanzunetta u trid tkun miktuba għall-istrumenti li se jintużaw għall-orkestrazzjoni. L-arranġamenti jridu jikkonsistu fil-partitura tad-direttur kif ukoll fil-partijiet individwali ta’ kull strument f’format PDF.

5.4 Jistgħu jintbgħatu sa massimu ta’ erbgħa (4) stereo stems u click track format wav 48khz u 24bit.

5.5 L-arranġament ippreżentat għandu jkun ta’ livell professjonali u aċċettabbli mid-direzzjoni tal-Malta Concert Orchestra. Id-direzzjoni tal-orkestra tiċċekja l-arranġamenti mużikali u jistgħu jintalbu xi bidliet jew korrezzjonijiet jekk ikun meħtieġ.

5.6 Fis-serata finali, huma d-diretturi tal-Malta Concert Orchesta biss li se jidderieġu l-orkestra.

5.7 Il-formazzjoni massima tal-orkestra se tkun din:

3 Trombi (1st, 2nd and 3rd Trumpets)
Sassofonu Tenur (Tenor Saxophone)
2 Sassofoni Alti (1st and 2nd Alto Saxophones)
2 Korni (1st and 2nd French Horns)
2 Trumbuni (1st and 2nd Trombones)
Pjanu (Piano)
1 Synth / Keyboard
2 Kitarri (2 Guitars – Acoustic or Electric)
Bass Guitar (Bass Guitar)
Drum Kit (Drum Kit)
Perkussjoni (Percussions)
Vjolini: primi u sekondi (1st and 2nd Violins)
Vjoli (Violas)
Vjolonċelli (Cellos)

6. APPUNTAMENTI

6.1

Mit-28 ta’ Frar sas-27 ta’ Marzu 2024 fit-8 p.m : Sottomissjoni tal-kanzunetti online mis-sit www.ghanjatalpoplu.org/regolamenti2024

Sas-17 t’April 2024 : Jitħabbru l-kanzunetti semifinalisti.

Fl-4 u l-5 ta’ Mejju 2024 : Is-semifinali: kanzunetti kantati live quddiem il-ġurija. Wara jitħabbru l-finalisti. Is-semifinalisti jridu jibgħatu recorded backing tal-kanzunetta li jista’ jinkludi backing vocals.

Sat-Tlieta 7 ta’ Mejju: jitħabbru il-finalisti. Ftit ijiem wara, ssir komunikazzjoni bejn l-organizzaturi, id-diriġent tal-orkestra u l-finalisti biex tingħata direzzjoni dwar l-orkestrazzjoni.

Matul Ġunju u Lulju 2024 : Sehem fi programmi fuq it-TV u r-Radju. Il-finalisti mitluba jipparteċipaw.

Mit-Tnejn 29 ta’ Lulju 2024 : Jibdew il-provi mal-orkestra.

Il-Ġimgħa 2 ta’ Awwissu 2024 : Il-prova ġenerali bil-ġurija popolari preżenti.

Is-Sibt, 3 ta’ Awwissu 2024 : Is-serata finali ta’ L-Għanja tal-Poplu 2024.

6.2 Il-finalisti jridu jkunu lesti li jieħdu sehem f’intervisti fuq diversi programmi fuq it-TV u r-radju, f’filmati u sessjonijiet ta’ ritratti li jittieħdu qabel il-festival, u fil-provi kollha u s-serata finali.

7. IS-SERATI FINALI

7.1 Il-kanzunetta li titkanta fil-finali trid tkun l-istess kanzunetta, fil-lirika u l-melodija, li tkun ġiet ippreżentata fl-eliminatorja. Korrezzjonijiet fl-istadju finali jistgħu jsiru bl-approvazzjoni tal-kumitat organizzattiv.

7.2 Filwaqt li wieħed għandu jippreżenta u jinterpreta l-kanzunetta bl-iktar mod xieraq għas-suġġett, ta’ min ifakkar li l-esaġerazzjoni fil-moviment, fl-ilbies, fiż-żfin, fil-mima, eċċ. tista’ taljena l-attenzjoni tal-udjenza mil-lirika u l-melodija, li huma l-qofol tal-kanzunetta. Fuq il-palk permessi biss kantanti u mużiċisti.

8. IL-PREMJIJIET

8.1 Il-premjijiet tal-kanzunetti kklassifikati fl-ewwel tliet postijiet jikkonsisti fi trofew għall-awtur, ieħor għall-kompożitur u trofew ieħor lill-kantant/a, kif ukoll:

• €1500 lill-kanzunetta kklassifikata fl-ewwel post rebbieħa ta’ L-Għanja tal-Poplu;

• €800 lill-kanzunetta kklassifikata fit-tieni post;

• €500 lill-kanzunetta kklassifikata fit-tielet post;

€200 lil kull kanzunetta klassifikata bħala finalista.

8.2 L-awtur u l-kompożitur tal-kanzunetta rebbieħa tal-festival jingħatalhom it-trofew L-Għanja tal-Poplu li jinżamm sal-edizzjoni tal-festival ta’ wara.

8.3 Il-premjijiet jinkludu wkoll:

• trofew lill-kantant/a jew grupp b’ L-Aħjar Interpretazzjoni;

• trofew lill-awtur għall-kanzunetta b’ L-Aħjar Tema Soċjali;

• trofew: għal L-Aħjar Kantawtur fis-serata finali.

(*Għall-iskop ta’ dan il-festival KANTAWTUR tfisser “persuna /grupp li jinterpreta kanzunetta bi kliem u mużika tal-persuna / grupp stess”)

9. IL-PUBBLIĊITÀ

9.1 L-Għanja tal-Poplu jżomm id-dritt li jxandar u jippubblika l-kanzunetti u r-recordings tal-festival. Id-drittijiet tal-kanzunetta jkunu ta’ L-Għanja tal-Poplu flimkien mal-awturi u kompożituri. F’każ ta’ pubblikazzjonijiet, il-kompożituri u l-awturi għandhom jagħtu kreditu lil L-Għanja tal-Poplu.

9.2 L-organizzaturi tal-festival ikollhom id-dritt jippublikaw il-kanzunetti, u jxandru l-kanzunetti u videos tagħhom fuq il-mezzi tal-media u fuq il-media soċjali, fuq Spotify, Youtube Music eċċ u fuq is-sit tal-festival.

10. NOTA FINALI

Dawn ir-regolamenti huma suġġetti għal tibdiliet mill-bord L-Għanja tal-Poplu. Id-deċiżjonijiet tal-bord ta’ L-Għanja tal-Poplu u taċ-Chairperson tal-ġurija huma finali.

Is-sehem tiegħek f’dan il-festival għandu jkun esperjenza pożittiva għall-karriera tiegħek. Għalhekk inħeġġuk tipparteċipa. Jekk għandek xi mistoqsija jew diffikultà, nistednuk tikkuntattjana permezz tal-email ghanjatalpoplu@gmail.com . Min-naħa tagħna, se nżommuk aġġornat/a b’dak li jkun qed jiġri permezz tas-sit www.ghanjatalpoplu.org u facebook: ghanjatalpoplu

© L-GĦANJA TAL-POPLU (2024)

W: www.ghanjatalpoplu.org E: info@ghanjatalpoplu.org M: 79923522