L-GĦANJA TAL-POPLU

FESTIVAL TAL-KANZUNETTA MALTIJA

 2019 (43 Edizzjoni)

Is-Sibt 31 ta’ Awwissu – Pjazza Teatru Rjal

Regolamenti

© L‑Għanja tal‑Poplu 1973 – 2019

W: www.ghanjafest.com    E: ghanjatalpoplu@gmail.com

T: 21233893  H: 21683761  M: 79923522

 

Pprintja Regolamenti GħTP 2019 PDF

Pprintja Applikazzjoni GħTP 2019 PDF

 1. IL‑FESTIVAL

1.1 Il‑festival L‑Għanja tal‑Poplu ‑ huwa festa ta’ kanzunetti oriġinali bil‑Malti, interpretati u akkumpanjati live.

Il-festival hu organizzat mill-kumitat L-Għanja tal-Poplu flimkien ma’ Pjazza Teatru Rjal u b’kollaborazzjoni mal-Akkademja tal-Malti. Il-Malta Concert Orchestra ser tkun qed tagħti s-sehem tagħha f’dan il-festival b’ħidma id f’id mal-kompożituri tal-kanzunetti finalisti. L-Għanja tal-Poplu hija mgħejjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti Cultural Parnership Agreement.

1.2 L‑għanijiet ewlenija tal‑festival huma:

(a) li jġib ’il quddiem il‑kanzunetta Maltija ta’ kwalità;

(b) li joħloq opportunità biex il‑kompożituri u l‑awturi jwasslu l‑kanzunetta tagħhom lill‑publiku Malti;

(ċ) li, anke wara l‑festival, ikompli jgħin lill‑artisti Maltin isibu udjenza dejjem ikbar għall‑kanzunetta tagħhom.

1.3 Il‑festival jiżvolġi fi tliet fażijiet:

(a) l‑ewwel fażi tal‑għażla, li fiha mill‑kanzunetti kollha sottomessi jintgħażlu numru ta’ semi-finalisti.

(b) It‑tieni fażi tal‑għażla, li fiha jitkantaw l-kanzunetti semi-finalisti quddiem il-ġurija, u minnhom jintgħażlu l‑kanzunetti finalisti.

(ċ) Is-serata finali – L-Għanja tal-Poplu, Is-Sibt 31 ta’ Awwissu, fejn jitħabbru r-rebbieħa.

2. IL‑KANZUNETTI

2.1 Biex jidħlu għall‑festival il‑kanzunetti jridu jkunu:
(a) oriġinali, jiġifieri l‑lirika u l‑mużika tagħhom qatt ma jkunu ġew ippublikati jew imxandra;
(b) b’lirika bil‑Malti;
(ċ) mhux itwal minn tliet minuti u nofs.

2.2 It‑tema tal‑kanzunetta hija libera, jiġifieri l-awtur jista’ jikteb fuq dak li jrid.

 

Dan il‑festival jinkoraġġixxi l‑kitba ta’ kanzunetti li jesprimu l-ħsibijiet, l‑esperjenzi, il‑gosti, ix‑xewqat, ir‑relazzjonijiet u l‑aspirazzjonijiet kemm fuq bażi personali, jew bħala poplu fuq din il‑gżira, jew bħala ċittadini tad‑dinja.  Kanzunetti b’tema ta’ imħabba jew ħbiberija, umoristiċi, satiriċi jew trivjali, eċċetra, għandhom ukoll post f’dan il-festival.

 

 2.3 L-istil mużikali huwa liberu.

Il-lingwa Maltija tadatta ruħha sew biex tkun interpretata b’diversi stili mużikali. Tajjeb għaldaqstant li wieħed jesplora idjomi u stili ġodda u innovattivi.

 

2.4 Dawn il-kriterji għandhom jgħinu sabiex wieħed jikteb kanzunetta ta’ kwalità:

 

 

·      Il-kanzunetta għandha ħsieb ċar u magħqud
·      Il-kanzunetta imqassma sew f’dawk li huma versi, chorus eċċ
·      Il-kliem tal-kanzunetta jinftiehem sew
 
·        Kliem li jqanqal emozzjoni tas-semmiegħ
·        Il-kliem tista’ tkantaħ u memorabbli
·        Il-kliem imqiegħed tajjeb flimkien, u b’rima u ritmu adattati
.
·        Il-mużika u l-melodija iżidu l-emozzjoni tal-kanzunetta
·        Il-mużika iżżomm lis-semmiegħ interessat u involut
·        Il-kliem u l-mużika imżewġin sew flimkien
.
·        Il-kanzunetta tesprimi t-tema b’mod frisk u ġdid
·        Il-kanzunetta tibqa’ tidwi f’widnejk
·        Il-kanzunetta tappella’ għall-poplu

 

 

2.5 Il‑kanzunetti b’tema vulgari u/jew ta’ propaganda partiġġjana ma jiġux aċċettati.

2.6 Persuni involuti fl-organizzazzjoni tal-festival kif ukoll id-diretturi tal-orkestra ma jistax ikollhom sehem fil-produzzjoni ta’ kanzunetti li ser ikunu sottomessi fil-festival.

2.7 Dawk il-kompożituri li għandhom il-ħsieb li jużaw l-orkestra, huma mħeġġa biex waqt li qed jikkomponu jżommu f’moħħhom li l-kanzunetti ser jiġu eżegwiti minn orkestra live.

3. IS-SOTTOMISSJONI TAL‑KANZUNETTI

3.1 Il-kanzunetta trid tkun irrekordjata fuq CD.  Il‑kliem għandu jkun jinftiehem u l‑akkumpanjament mużikali jkun jirrifletti il-kanzunetta kif ser tkun finalment esegwita.  Fl-istadju finali, ir-rikording irid ikun ukoll ta’ kwalità. (Ara kriterji ta’ kwalità dwar rikordings Appendiċi A).

3.2 Għal kull kanzunetta jrid jiġi ppreżentat envelop A4 li jkun fih:

(a)  rikording tal‑kanzunetta fuq CD li fuqu jkun hemm miktub biss l‑isem tal‑kanzunetta;

(b) għaxar (10) kopji tal‑lirika;

(ċ)  l‑applikazzjoni għall‑parteċipazzjoni, mimlija mill‑parteċipanti, iffirmata mill-awtur u kompożitur. Fl-eliminatorji din l-informazzjoni ma tkunx aċċessibli għall-ġurati.

(d)  Ħlas ta’ €50 ma’ kull kanzunetta li tikkwalifika lill-parteċipanti jkunu membri tal-Għanja tal-Poplu, u b’hekk jipparteċipaw fil-festival u jkunu mistiedna għal attivitajiet oħra.

L‑envelops tal‑kanzunetti jintlaqgħu fl‑uffiċċju tal‑Għanja tal‑Poplu, 227 Triq il‑Merkanti, il‑Belt, it-Tlieta, 21 ta’ Mejju, 2019, mill-10:30 sas-13:00 u mis-18:00 sat-20.30.

4.  L-ELIMINATORJI

4.1 Il‑ġurija tal‑eliminatorji tkun magħmula minn persuni kompetenti fil-qasam tal-kanzunetta Maltija.

4.2 Il‑ġurija tal‑eliminatorja tiġġudika qabelxejn il‑kwalità tal‑lirika u l‑melodija tal‑kanzunetti u r‑rabta ta’ bejniethom, u mhux il‑preżentazzjoni jew il‑kwalità akustika tagħhom. Mhux mitlub recording demo ta’ kwalità professjonali. B’hekk parteċipant jista’ jevita spejjeż żejda.

4.3 Fl-ewwel eliminatorja, il-ġurija tagħżel numru ta’ kanzunetti semi-finalisti minn fuq is-CD. Fit-tieni eliminatorja, dawn il-kanzunetti jridu jiġu interpretati live u minnhom il-ġurija tagħżel il-kanzunetti finalisti.

4.4 Kanzunetta li tkun intgħażlet bħala finalista ma tistax tiġi rtirata mis‑serata finali jew mis‑CD uffiċjali tal‑festival.

5. IL‑FAŻI FINALI

 5.1 Kull parteċipant ta’ kanzunetta ppreżentata fis‑serata finali tal-festival għandu jkollu/ha sittax‑il sena jew iktar sat-31 ta’ Awwissu 2019.

5.2 L-isem tal-kompożitur jew  awtur, ma jistax jidher iktar minn ma’  żewġ kanzunetti fis-serata finali. Fil-kas li jgħaddu iktar minn tnejn, jintagħżlu l-aħjar tnejn.

5.3 Kull kantant/a jista’ jkanta kanzunetta waħda biss fis-serata finali. Fil-każ li kantant ikollu sehem f’iktar minn kanzunetta waħda, jiġi mitlub li jagħżel kanzunetta minnhom, filwaqt li l-awtur u l-kompożitur tal-kanzunetta l-oħra jiġu mitluba jsibu kantant ieħor.

5.4 Fis‑serata finali, il-Malta Concert Orchestra ser tkun għad‑dispożizzjoni ta’ dawk li jridu jagħmlu użu mis-servizz tagħha.

Il‑parteċipanti tal‑finali jridu jiddikjaraw kif ser tkun akkumpanjata l-kanzunetta. Jeżistu tliet possibiltajiet:

jew (a) li jkantaw u jakkumpanjaw il‑kanzunetta l-parteċipanti stess, u jsiru l-provi meħtieġa fejn tkun assigurata l-kwalità;

jew (b) li l-parteċipanti jkantaw u jkunu akkumpanjati kompletament mill‑orkestra.

jew (ċ) li jkantaw u jdoqqu strument/i u jkunu mgħejuna mill‑orkestra.

5.5 Fil-każ 5.3 (b) u (ċ), l-akkumpanjament orkestrali jista jsir mid-direttur tal-orkestra jew ikun pprovdut mill-kompożitur innifsu.

  1. Il-kumitat organizzattiv iħeġġeġ lill-kompożituri sabiex l-orkestrazzjoni ssir minnhom stess.

jew

  1. Il-kompożituri tal-kanzunetti finalisti jridu jipprovdu manuskritt tal-melodija bil-partitura tal-pjanu (piano score sheet) jew melodija bil-chords sat-Tlieta 18 ta’ Ġunju 2019.

Id-diretturi tal-orkestra Pjazza Teatru Rjal ikollhom id-dritt jagħmlu/jissuġġerixxu kull tibdil u  titjib meħtieġ fl-arranġamenti.  F’kull kas ta’ orkestrazzjoni, l-aħħar deċiżjoni hija dik tal-kumitat organizzattiv.

5.6  Il-formazzjoni massima tal-orkestra ser tkun komposta skont kif ġej:

 

1st, 2nd and 3rd Trumpets

Tenor Saxaphone

1st and 2nd Alto Saxaphones

1st and 2nd French Horns

1st and 2nd Trombones

Piano

1st and 2nd Synths / Keyboards

2 Guitars (Acoustic or Electric)

Bass Guitar

Drum Kit

Percussions

1st and 2nd violins

Violas

Cellos

5.7  Il-parteċipanti, jekk iħossu l-bżonn, jistgħu jipprovdu xi strumenti adizzjonali a` spejjeż tagħhom, u bi ftehim mad-diretturi tal-orkestra.

5.8   Huwa permess li kanzunetta jkollha sa massimu ta’ erba’ (4) backing vocals li jridu jiġu pprovduti mill-istess parteċipanti.

5.9  Grupp mużikali jista’ jkun fih sa sitt (6) elementi, inklużi l-kantanti prinċipali.

 

6. APPUNTAMENTI

6.1

It-Tlieta, 21 ta’ Mejju, 2019 Sottomissjoni tal-kanzunetti, mill-10:30-13:00 u mis-18:00-20:30, fl-uffiċċju tal-Għanja tal-Poplu, YTC, 227, Triq il-Merkanti, il-Belt.
It-Tnejn, 27 ta’ Mejju, 2019 Jitħabbru l-kanzunetti semi-finalisti.
It-Tlieta, 11 ta’ Ġunju, 2019 Jinstemgħu l-ewwel sett ta’ kanzunetti kantati live akkumpanjati mill-playback.
L-Erbgħa, 12 ta’ Ġunju, 2019 Jinstemgħu t-tieni sett ta’ kanzunetti kantati live akkumpanjati mill-playback.
Sa tmiem il-Ġimgħa Jitħabbru l-finalisti .  Il-kompożituri jaraw li r-rikording jirrifletti dak li jixtiequ mill-orkestra.
Sat-Tlieta, 18 ta’ Ġunju, 2019 Iridu jaslu l-piano score sheets tal-kanzunetti finalisti li mhux ser jipprovdu l-arranġament mużikali.
Sat-Tnejn, 22 ta’ Lulju, 2019 Ir‑rikordings għas-CD, u l-partituri tal‑kanzunetti finalisti (jekk applikabbli) jridu jkun lesti.
Mit-Tnejn 19 ta’ Awwissu 2019 Provi mal-orkestra
Il-Ħamis 29 ta’ Awwissu, 2019 Prova ġenerali
Is-Sibt 31 ta’ Awwissu, 2019 Il-Festival
Il-Ħadd 1 ta’ Settembru 2019 Il-Festival (f’kas li l-festival jitħassar minħabba temp ħażin)

6.2 Min se jieħu sehem fil‑festival irid ikun lest li jattendi għas-semi-finali, l-provi u s-serati finali.

7. IS‑SERATI FINALI

7.1 Il‑kanzunetta li titkanta fil‑finali trid tkun l‑istess kanzunetta, fil‑lirika u l‑melodija, li tkun ġiet ippreżentata fl‑eliminatorja. Korrezzjonijiet wara l‑eliminatorja jistgħu jsiru bl‑approvazzjoni tal‑kumitat organizzattiv.

7.2 Filwaqt li wieħed għandu jippreżenta u jinterpreta l‑kanzunetta bl‑iktar mod xieraq għas‑suġġett, ta’ min ifakkar li l‑esaġerazzjoni fil‑moviment, fl‑ilbies, fiż‑żfin, fil‑mima, eċċ. tista’ taljena l‑attenzjoni tal‑udjenza mil‑lirika u l‑melodija, li huma l‑qofol tal‑kanzunetta.  Fuq il-palk permessi biss kantanti u mużiċisti.

7.3 Il‑ġurija fis-serati finali tkun magħmula minn persuni kompetenti fil-qasam tal-kanzunetta Maltija li jkunu differenti mill‑ġurija tal‑eliminatorja.

 

8. IL‑PREMJIJIET

 8.1 Ir‑rikonoxximent tal‑awturi u l‑kompożituri tal‑kanzunetti kklassifikati fl‑ewwel tlett postijiet jikkonsisti fi trofew għall‑awtur, ieħor għall‑kompożitur u trofew ieħor lill‑kantant/a, kif ukoll:

  • €1500 lill‑kanzunetta kklassifikata  fl‑ewwel post rebbieħa tal-Għanja tal-Poplu;
  • € 800 lill‑kanzunetta kklassifikata fit‑tieni post;
  • € 500 lill‑kanzunetta kklassifikata fit‑tielet post.

8.2 L‑awtur u l‑kompożitur tal‑kanzunetta rebbieħa tal-festival jingħatalhom it‑trofew L‑Għanja tal‑Poplu li jinżamm sal‑edizzjoni tal‑festival ta’ wara.

8.3  Ir‑rikonoxximenti jinkludu wkoll:

  • trofew lill‑kantant/a jew grupp bl‑aħjar interpretazzjoni;
  • trofew għall‑oriġinalità tal-kanzunetta;
  • trofew għall-aħjar kantawtur jew grupp bl-aħjar kanzunetta*

(*Għall-iskop ta’ dan il-festival KANTAWTUR tfisser “persuna /grupp li jinterpreta kanzunetta bi kliem u mużika tal-persuna / grupp stess”

9. IL‑PUBBLIĊITÀ U S‑CD TAL‑FESTIVAL

9.1 L-Għanja tal-Poplu jżomm id‑dritt li jxandar il-kanzunetti u r-rikordings tal-festival għal skop ta’ promozzjoni.

Id‑drittijiet tal‑kanzunetta jkunu  tal-Għanja tal-Poplu flimkien mal‑awturi u kompożituri.

9.2 Bħal kull sena, il‑kumitat tal‑festival jippubblika CD uffiċjali tal‑festival bil‑kanzunetti finalisti kollha. Ir‑rikording finali ta’ dawn il‑kanzunetti jrid ikun lest sat-Tnejn 22 ta’ Lulju 2019.

9.3 L‑organizzaturi tal‑festival ikollhom id‑dritt jinkludu l‑kanzunetti finalisti fis‑CD tal‑festival u jbigħu s‑CD.

10. NOTA FINALI

Dawn ir‑regolamenti huma suġġetti għal tibdiliet mill‑kumitat L‑Għanja tal‑Poplu. Id‑deċiżjonijiet tal‑bord tal-Għanja tal-Poplu huma finali.

­­Is‑sehem tiegħek f’dan il‑festival għandu jkun esperjenza pożittiva għall‑karriera tiegħek. Għalhekk inħeġġuk tipparteċipa. Jekk għandek xi mistoqsija jew diffikultà, nistednuk tikkuntattjana pemezz tal-email ghanjatalpoplu@gmail.com. Min‑naħa tagħna, se nżommuk aġġornat/a b’dak li jkun qed jiġri permezz tal‑websajt www.ghanjafest.com u facebook: ghanjatalpoplu

Jekk għandek xi ħbieb li jista’ jinteressahom li jieħdu sehem fil‑festival, ħajjarhom jipparteċipaw.

F’każ ta’ diffikultà jew mistoqsijiet tista’ tibgħat e-mail fl-indirizz ghanjatalpoplu@gmail.com