REGOLAMENTI GħTP 2018

L-GĦANJA TAL-POPLU

FESTIVAL TAL-KANZUNETTA MALTIJA

 2018 (42 Edizzjoni)

Regolamenti

Niżżel Regolamenti Format PDF

Niżżel Applikazzjoni Format PDF

© L‑Għanja tal‑Poplu 1973 – 2018 (VO/0574)

W: www.ghanjafest.com    E: ghanjatalpoplu@gmail.com

T: 21233893  H: 21683761  M: 79923522

 1. IL‑FESTIVAL

1.1 Il‑festival L‑Għanja tal‑Poplu ‑ huwa festa ta’ kanzunetti oriġinali bil‑Malti, interpretati u akkumpanjati live.

Din is-sena (2018), il-festival hu organizzat mill-kumitat L-Għanja tal-Poplu flimkien ma’ Pjazza Teatru Rjal u b’kollaborazzjoni mal-Akkademja tal-Malti. Il-Malta Concert Orchestra ser tkun qed tagħti s-sehem tagħha f’dan il-festival b’ħidma id f’id mal-kompożituri tal-kanzunetti finalisti. L-Għanja tal-Poplu hija mgħejjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti – Cultural Parnership Agreement.

1.2 L‑għanijiet ewlenija tal‑festival huma:

(a) li jġib ’il quddiem il‑kanzunetta Maltija ta’ kwalità;

(b) li joħloq opportunità biex il‑kompożituri u l‑awturi jwasslu l‑kanzunetta tagħhom lill‑publiku Malti;

(ċ) li, anke wara l‑festival, ikompli jgħin lill‑artisti Maltin isibu udjenza dejjem ikbar għall‑kanzunetta tagħhom.

1.3 Il‑festival jiżvolġi fi tliet fażijiet:

(a) l‑ewwel fażi tal‑għażla, li fiha mill‑kanzunetti kollha sottomessi jintgħażlu l‑aħjar 40 kanzunetta.

(b) It‑tieni fażi tal‑għażla, li fiha jitkantaw l-40 kanzunetta quddiem il-ġurija, u minnhom jintgħażlu l‑kanzunetti finalisti.

(ċ) Is-serata finali fl-1 ta’ Settembru, fejn jitħabbru r-rebbieħa.

2. IL‑KANZUNETTI

2.1 Biex jidħlu għall‑festival il‑kanzunetti jridu jkunu:
(a) oriġinali, jiġifieri l‑lirika u l‑mużika tagħhom qatt ma jkunu ġew ippubblikati jew esegwiti fil-pubbliku;
(b) lirika bil‑Malti;
(ċ) mhux itwal minn tliet minuti u nofs.

Id-direzzjoni tixtieq li jkun hemm għażla ta’ kanzunetti li jvarjaw f’dik li hi lirika u stil ta’ kompożizzjoni.

2.2 It‑tema tal‑kanzunetta hija libera, jiġifieri l-awtur jista’ jikteb fuq dak li jrid.

Dan il‑festival jinkoraġġixxi l‑kitba ta’ kanzunetti li jesprimu l-ħsibijiet, l‑esperjenzi, il‑gosti, ix‑xewqat, ir‑relazzjonijiet u l‑aspirazzjonijiet kemm fuq bażi personali, jew bħala poplu fuq din il‑gżira, jew bħala ċittadini tad‑dinja.

 2.3 L-istil mużikali huwa liberu.

Il-lingwa Maltija tadatta ruħha sew biex tkun interpretata b’diversi stili mużikali. Tajjeb għaldaqstant li wieħed jesplora idjomi u stili ġodda u innovattivi sabiex ma nibqgħux magħluqin u marbutin biss ma’ dak li diġà  nafu li jaħdem.

2.4 Il‑kanzunetti ser jiġu ġġudikati skont il‑kliem u l‑mużika u r‑rabta ta’ bejniethom, u fuq l-impressjoni ġenerali waqt l-interpretazzjoni live tal-kantant/a/i.

2.5 Il‑kanzunetti b’tema vulgari u/jew ta’ propaganda partiġġjana ma jiġux aċċetati.

2.6 Persuni involuti fl-organizzazzjoni tal-festival kif wkoll id-diretturi tal-orkestra ma jistgħux jkollhom sehem fil-produzzjoni ta’ kanzunetti li ser ikunu sottomessi fil-festival.

2.7 Dawk il-kompożituri li għandhom il-ħsieb li jużaw l-orkestra,  huma mħeġġa biex waqt li qed jikkomponu jżommu f’moħħhom li l-kanzunetti ser jiġu eżegwiti minn orkestra live.

3. IS-SOTTOMISSJONI TAL‑KANZUNETTI

3.1 Tista’ tiġi ppreżentata iktar minn Kanzunetta waħda għall‑eliminatorja.

3.2 Il-kanzunetta trid tkun rrekordjata fuq CD. Il‑kliem għandu jkun jinftiehem u l‑akkumpanjament mużikali jkun jirrifletti l-orkestrazzjoni kif ser tkun esegwita.  Fl-istadju finali ir-rikording irid ikun ukoll ta’ kwalità. (Ara kriterji ta’ kwalità dwar rikordings Appendiċi A).

3.3 Għal kull kanzunetta jrid jiġi ppreżentat envelop A4 separat li jkun fih:

(a)  rikording tal‑kanzunetta fuq CD li fuqu jkun hemm miktub biss l‑isem tal‑kanzunetta;

(b) għaxar (10) kopji tal‑lirika;

(ċ)  l‑applikazzjoni għall‑parteċipazzjoni, mimlija mill‑parteċipanti, iffirmata mill-awtur u kompożitur.

(d)  kontribuzzjoni ta’ €50 għal kull kanzunetta sottomessa, li tintola lill-parteċipant/i bħala membri fil-Klabb Għanja – u b’hekk jipparteċipaw fil-festival u attivitajiet oħra li jiġu organizzati.

L‑envelops tal‑kanzunetti jintlaqgħu fl‑uffiċċju tal‑Għanja tal‑Poplu, 227 Triq il‑Merkanti, il‑Belt, it-Tlieta, 22 ta’ Mejju, 2018, mill-10:30sas-13:00 u mis-18:00 sat-20.30

4.  L-ELIMINATORJI

4.1 Il‑ġurija tal‑eliminatorji tkun magħmula minn persuni kompetenti fil-qasam tal-kanzunetta Maltija.

4.2 Il‑ġurija tal‑eliminatorja tiġġudika qabelxejn il‑kwalità tal‑lirika u l‑melodija tal‑kanzunetti u r‑rabta ta’ bejniethom, u mhux il‑preżentazzjoni jew il‑kwalità akustika tagħhom. Mhux mitlub recording demo ta’ kwalità professjonali. B’hekk parteċipant jista’ jevita spejjeż żejda.

4.3 Fl-ewwel eliminatorja, il-ġurija tagħżel 40 kanzunetta semi-finalista minn fuq is-CD. Fit-tieni eliminatorja, dawn l-40 kanzunetta jridu jiġu interpretati live u minnhom il-ġurija tagħżel 16-il kanzunetta finalista.

4.4 Kanzunetta li tkun intgħażlet bħala finalista ma tistax tiġi rtirata mis‑serata finali jew mis‑CD uffiċjali tal‑festival.

5. IL‑FAŻI FINALI

 5.1 Kull parteċipant u interpretu ta’ kanzunetta ppreżentata fis‑serata finali tal‑festival għandu jkollu/ha sittax‑il sena jew iktar sal-1 ta’ Settembru 2018.

5.2 L-istess kompożitur u awtur flimkien, ma jistax ikollhom iktar minn tliet kanzunetti fis-serata finali.

5.3 Fis‑serata finali, il-Malta Concert Orchestra ser tkun għad‑dispożizzjoni ta’ dawk li jridu jagħmlu użu mis-servizz tagħha.

Il‑parteċipanti tal‑finali jridu jiddikjaraw min ser jakkumpanja l‑kanzunetta. Jeżistu tliet possibiltajiet:

jew (a) li jkantaw u jakkumpanjaw il‑kanzunetta huma stess, u jsiru l-provi meħtieġa fejn tkun assigurata l-kwalità;

jew (b) li jkantaw u jkunu akkumpanjati kompletament mill‑orkestra.

jew (ċ) li jkantaw u jdoqqu strument/i u jkunu mgħejjunin mill‑orkestra.

5.4 Fil-każ 5.3 (b) u (ċ), l-akkumpanjament orkestrali jista jsir mid-direttur tal-okrestra jew mill-kompożitur innifsu. Il-kumitat organizzattiv iħeġġeġ lill-kompożituri tal-kanzunetti rispettivi sabiex l-orkestrazzjonijiet meħtieġa jsiru minnhom stess. Dan biex ikun garantit li l-ideat tal-kompożitur ikunu espressi eżatt kif jixtieq hu. F’każ li tinqala’ diffikulta, jekk l-arranġament isir mid-direttur tal-orkestra, l-aħħar deċiżjoni hija dik tal-kumitat organizzattiv.

Il-formazzjoni massima tal-orkestra ser tkun komposta skont kif ġej:

1st, 2nd and 3rd Trumpets

Tenor Saxaphones

1st and 2nd Alto Saxaphones

1st and 2nd French Horns

1st and 2nd Trombones

Piano

1st and 2nd Synths / Keyboards

Guitar (Acoustic or Electric)

Bass Guitar

Drum Kit

Percussions

1st and 2nd violins

Violas

Cellos

 

5.5 Il-kompożituri tal-kanzunetti finalisti jridu jipprovdu manuskritt tal-parti tal-pjanu inkluża l-melodija (piano score sheet) jew melodija bil-chords sal-Erbgħa 6 ta’ Ġunju 2018.

5.6  Il-parteċipanti, jekk iħossu l-bżonn, jistgħu jipprovdu xi strumenti adizzjonali a` spejjeż tagħhom, u bi ftehim mad-diretturi tal-orkestra.

5.7   Huwa permess li kanzunetta ikollha sa massimu ta’ erba’ (4) backing vocals li jridu jiġu pprovduti mill-istess parteċipanti.

5.8  Grupp mużikali jista’ jkun fih sa  sitt (6) elementi, inklużi l-kantanti prinċipali.

5.9  Sa minn kmieni, irid jiġi indikat b’mod ċar mill-parteċipanti, min ser ikun responsabbli għall-arranġamenti mużikali, partitura u partijiet orkestrali tal-kanzunetta tagħhom.

6. L-APPUNTAMENTI

6.1

It-Tnejn, 2 ta’ April, 2018 Jitħabbru ir-regolamenti
Il-Ġimgħa, 13 ta’ April 2018 Tnedija tal-Festival u r-Regolamenti
It-Tlieta, 22 ta’ Mejju, 2018 Sottomissjoni tal-kanzunetti, mill-10:30-13:00 u mis-18:00-20:30, fl-uffiċċju tal-Għanja tal-Poplu, YTC, 227, Triq il-Merkanti, il-Belt.
It-Tnejn, 28 ta’ Mejju, 2018 Jitħabbru l-aħjar 40 kanzunetta skont il-ġurija, u jinqasmu f’żewġ gruppi ta’ 20 kanzunetta.
Is-Sibt, 2 ta’ Ġunju, 2018 Jinstemgħu l-ewwel sett kantati live akkumpanjati mill-playback
Il-Ħadd, 3 ta’ Ġunju, 2018 Jinstemgħu t-tieni sett kantati live akkumpanjati mill-playback.
It-Tnejn, 4 ta’ Ġunju, 2018 Jitħabbru l-finalisti
Sal-Erbgħa, 6 ta’ Ġunju, 2018 Iridu jaslu l-piano score sheets tal-kanzunetti finalisti
Sat-Tnejn, 23 ta’ Lulju, 2018 Ir‑rikordings għas-CD, u l-partituri tal‑kanzunetti finalisti (jekk applikabbli) jridu jkun lesti.
Il-Ħadd 26 u t-Tnejn 27  ta’ Awwissu, 2018 Provi fil-green room ta’ Pjazza Teatru Rjal
 Mit-Tlieta, 28 ta’ Awwissu, 2018 Provi fuq il-palk ta’ Pjazza Teatru Rjal
Il-Ġimgħa, 31 ta’ Awwissu, 2018 Prova ġenerali. (Tattendi l-ġurija popolari. )
Is-Sibt, 1 ta’ Settembru, 2018 Serata finali – Pjazza Teatru Rjal

6.2 Min se jieħu sehem fil‑festival irid ikun lest li jattendi għall-provi u s-serati finali.

7. IS‑SERATI FINALI

7.1 Il‑kanzunetta li titkanta fil‑finali trid tkun l‑istess kanzunetta, fil‑lirika u l‑melodija, li tkun ġiet ippreżentata fl‑eliminatorja. Korrezzjonijiet wara l‑eliminatorja jistgħu jsiru bl‑approvazzjoni tal‑kumitat organizzattiv.

7.2 Filwaqt li wieħed għandu jippreżenta u jinterpreta l‑kanzunetta bl‑iktar mod xieraq għas‑suġġett, ta’ min ifakkar li l‑esaġerazzjoni fil‑moviment, fl‑ilbies, fiż‑żfin, fil‑mima, eċċ. tista’ taljena l‑attenzjoni tal‑udjenza mil‑lirika u l‑melodija, li huma l‑qofol tal‑kanzunetta. Fuq il-palk permessi biss kantanti u mużiċisti u d-direttur tal-orkestra.

7.3 Il‑ġurija fis-serati finali tkun magħmula minn persuni kompetenti fil-qasam tal-kanzunetta Maltija li jkunu differenti mill‑ġurija tal‑eliminatorja. Fil-prova ġenerali ta’ lejliet ser tkun involuta il-ġurija popolari.

8. IL‑PREMJIJIET

 8.1 Ir‑rikonoxximent tal‑awturi u l‑kompożituri tal‑kanzunetti kklassifikati fl‑ewwel tlett postijiet jikkonsisti fi trofew għall‑awtur, ieħor għall‑kompożitur u trofew ieħor lill‑kantant/a, kif ukoll

  • €1500 lill‑kanzunetta klassifikata  fl‑ewwel post rebbieħa tal-Għanja tal-Poplu.
  • € 800 lill‑kanzunetta klassifikata fit‑tieni post;
  • € 500 lill‑kanzunetta klassifikata fit‑tielet post.

8.2 L‑awtur u l‑kompożitur tal‑kanzunetta rebbieħa tal-festival jingħatalhom it‑trofew L‑Għanja tal‑Poplu li jinżamm sal‑edizzjoni tal‑festival ta’ wara.

8.3  Ir‑rikonoxximenti jinkludu wkoll:

  • trofew lill‑kantant/a jew grupp bl‑aħjar interpretazzjoni,
  • trofew għall‑oriġinalità tal-kanzunetta
  • trofew għall-aħjar kantawtur* jew grupp
  • trofew għall-aħjar rikording (Ara Appendiċi A: Kriterji biex inkejlu l-kwalita’ tar-rikording)

(*Għall-iskop ta’ dan il-festival KANTAWTUR tfisser “persuna /grupp li jinterpreta kanzunetta bi kliem u mużika tal-persuna / grupp stess”)

 

9. IL‑PUBBLIĊITÀ U S‑CD TAL‑FESTIVAL

9.1 Il‑kanzunetti, il‑parteċipanti u l‑interpreti finalisti tingħatalhom pubbliċità fuq il‑mezzi tax‑xandir, ir-radju, it-televiżjoni u l-internet. Il‑parteċipanti huma mitluba jikkoperaw kemm jistgħu mal‑kumitat organizzattiv biex din il‑pubbliċità tkun tista’ ssir bl‑aħjar mod.

9.2 L-Għanja tal-Poplu jkollu id‑dritt li jibqa’ jxandar dawn ir-rikordings għal skop ta’ promozzjoni tal‑festival. Id‑drittijiet tal‑kanzunetta jibqgħu tal‑awtur u kompożitur.

9.3 Bħal kull sena, il‑kumitat tal‑festival jippubblika CD uffiċjali tal‑festival bil‑kanzunetti finalisti kollha. Ir‑rikording finali ta’ dawn il‑kanzunetti jrid ikun lest sal‑Ġimgħa 28 ta’ Lulju 2017.

9.4 L‑organizzaturi tal‑festival ikollhom id‑dritt jinkludu l‑kanzunetti finalisti fis‑CD tal‑festival u jbigħu s‑CD.

10. NOTA FINALI

 Dawn ir‑regolamenti huma suġġetti għal tibdiliet mill‑kumitat L‑Għanja tal‑Poplu. Id‑deċiżjonijiet tal‑kumitat huma finali.

­­Is‑sehem tiegħek f’dan il‑festival għandu jkun esperjenza pożittiva għall‑karriera tiegħek. Għalhekk inħeġġuk tipparteċipa. Jekk għandek xi mistoqsija jew diffikultà, nistednuk tikkuntattjana pemezz tal-email ghanjatalpoplu@gmail.com . Min‑naħa tagħna, se nżommuk aġġornat/a b’dak li jkun qed jiġri permezz tal‑websajt www.ghanjafest.com u facebook: ghanjatalpoplu

Jekk għandek xi ħbieb li jista’ jinteressahom li jieħdu sehem fil‑festival, ħajjarhom jipparteċipaw.

F’każ ta’ diffikultà jew mistoqsijiet tista’ tibgħat e-mail fl-indirizz ghanjatalpoplu@gmail.com

© L-GĦANJA TAL-POPLU (2018)

___________________________

Appendiċi A:     Kriterji biex inkejlu il-kwalità ta’ rikording , fil-fażi finali tal-festival:

(a) Spatial impression addata (10 marki)

(b) L-użu tajjeb ta’ effett stereo (10 marki)

(c) Ċarezza tal-mużika (10 marki)

(d) Bilanċ fl-elementi mużikali (10 marki)

(e) Timbre tal-ħsejjes – il kwalità u kemm hu addatat (10 marki)

(f) Rikording ċar minghajr ħsejjes ta’ interferenzi  (10 marki)

(g) Vuċi b’effetti sbieħ (10 marki)

(h) il-kliem jinftiehem sew (10 marki)

(i) Impressjoni ġenerali (10 marki)

Meħudin minn http://www.linkwitzlab.com/Recording/EBU_evaluation_CD.htm