Teditja, tipprintjha, tiffirmha u tiskenjha

Tipprintjha , timlijha b’idejk u tiskenjha

Regolamenti – Is-46 Edizzjoni (2022)

© L‑Għanja tal‑Poplu 1973 – 2022 (VO/0574)

W: www.ghanjatalpoplu.org E: info@ghanjatalpoplu.org
T: 21683761 M: 79923522

Is-46 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija
tittella’ s-Sibt 30 ta’ Lulju 2022
fi Pjazza Teatru Rjal bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra,

dejjem skont kif jippermettu r-regolamenti tas-saħħa.
Jekk din tkun impossibbli, il-kumitat joffri alternattiva.

L-Għanja tal-Poplu huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti
u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

1. IL‑FESTIVAL

1.1 Il‑festival L‑Għanja tal‑Poplu Festival tal-Kanzunetta Maltija huwa festa ta’ kanzunetti oriġinali bil‑Malti, interpretati u akkumpanjati live bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra.

Il-festival hu organizzat mill-kumitat L-Għanja tal-Poplu bil-kollaborazzjoni tal-Malta Concert Orchestra u ta’ Pjazza Teatru Rjal, il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

1.2 L‑għanijiet ewlenin tal‑festival huma:

(a) li jġib ’il quddiem il‑kanzunetta Maltija ta’ kwalità;

(b) li joħloq opportunità biex il‑kompożituri u l‑awturi jwasslu l‑kanzunetta tagħhom lill‑pubbliku Malti;

(ċ) li, anke wara l‑festival, ikompli jgħin lill‑artisti Maltin isibu udjenza dejjem ikbar għall‑kanzunetta tagħhom.

1.3 Il‑festival jiżvolġi fi tliet fażijiet:

(a) l‑ewwel fażi tal‑għażla, li fiha mill‑kanzunetti kollha sottomessi jintgħażlu numru ta’ semifinalisti;

(b) It‑tieni fażi tal‑għażla, li fiha jinstemgħu l-kanzunetti semifinalisti live, u minnhom jintgħażlu l‑kanzunetti finalisti;

(ċ) Is-serata finali, L-Għanja tal-Poplu, li se ssir is-Sibt 30 ta’ Lulju 2022, fejn jitħabbru r-rebbieħa.

2. IL‑KANZUNETTI

2.1 Biex jidħlu għall‑festival il‑kanzunetti jridu jkunu:
(a) oriġinali, jiġifieri l‑lirika u l‑mużika tagħhom qatt ma jkunu ġew ippubblikati jew imxandra;
(b) b’lirika bil‑Malti;
(ċ) mhux itwal minn tliet minuti u ħamsa u erbgħin sekonda.

2.2 It‑tema tal‑kanzunetta hija libera, jiġifieri l-awtur jista’ jikteb fuq dak li jrid.

Dan il‑festival jinkoraġġixxi l‑kitba ta’ kanzunetti ta’ kwalità li jesprimu l-ħsibijiet, l‑esperjenzi, il‑gosti, ix‑xewqat, ir‑relazzjonijiet u l‑aspirazzjonijiet kemm fuq bażi personali, kemm bħala poplu fuq din il‑gżira, kemm bħala ċittadini tad‑dinja. Kanzunetti b’tema ta’ mħabba jew ħbiberija, umoristiċi jew satiriċi, eċċetra, għandhom ukoll post f’dan il-festival. Napprezzaw kanzunetti bi ħsibijiet sinċieri u ġenwini li jesprimu l-esperjenza tal-awtur.

2.3 L-istil mużikali huwa liberu.

Il-lingwa Maltija tadatta ruħha sew biex tkun interpretata b’diversi stili mużikali. Tajjeb għaldaqstant li wieħed jesplora idjomi u stili ġodda u innovattivi.

2.4 Dawn il-kriterji se jintużaw mill-ġurija waqt l-aġġudikazzjoni tagħhom u għandhom ukoll jgħinu sabiex wieħed jikteb kanzunetta ta’ kwalità:

·

Il-kanzunetta għandha ħsieb ċar u magħqud

· Il-kanzunetta mqassma sew f’dawk li huma versi, chorus eċċ. Dan ma jeskludix forom differenti minn tas-soltu.

· Il-kliem tal-kanzunetta jinftiehem sew (attenzjoni għall-aċċent tal-kelma kemm waqt il-kitba tal-kanzunetta kif ukoll fl-interpretazzjoni).

· Kliem li jqanqal emozzjoni tas-semmiegħ

· Il-kliem tista’ tkantah u memorabbli

· Il-kliem imqiegħed tajjeb flimkien

· Il-mużika u l-melodija jżidu l-emozzjoni tal-kanzunetta

· Il-mużika żżomm lis-semmiegħ interessat u involut

· Il-kliem u l-mużika mżewġin sew flimkien

· Il-kanzunetta tesprimi t-tema b’mod frisk u ġdid

· Il-melodija hija tal-widna u tibqa’ tiftakarha

· Il-kanzunetta tappella għall-poplu

** Nota: Dwar l-arranġament mużikali – m’hemmx għalfejn li jintużaw l-istrumenti kollha provduti fl-orkestra. Kultant l-użu ta’ strument/i li jispikka/w jagħti/u karattru lill-kanzunetta u xi strumenti oħra jekk hemm bżonn, jistgħu jintużaw fl-isfond.

2.5 Il‑kanzunetti b’tema vulgari u/jew ta’ propaganda partiġġjana ma jiġux aċċettati.

2.6 Persuni involuti fl-organizzazzjoni tal-festival kif ukoll id-diretturi tal-orkestra ma jistax ikollhom sehem fil-kanzunetti li se jkunu sottomessi fil-festival.

3. IS-SOTTOMISSJONI TAL‑KANZUNETTI

Is-sottomissjoni tal-kanzunetti se tkun online. Sottomissjonijiet se jintlaqgħu mit-Tnejn 28 ta’ Frar sal-Ġimgħa 18 ta’ Marzu sal-10 pm.

Biex tissottometti kanzunetta, imxi ma’ dawn l-istruzzjonijiet:

Idħol fil-link tal-Applikazzjonijiet www.ghanjatalpoplu.org/sottomissjoni-2022/ u segwi l-istruzzjonijiet. Semmi kull fajl (f’a, b u ċ hawn taħt) bl-isem tal-kanzunetta.

(a) Ehmeż fajl tal-kanzunetta format mp3 bil-vuċiji/iet. Semmi dan il-fajl hekk: isem tal-kanzunetta.mp3

F’dan l-istadju r-recording mhux bilfors ikun wieħed finalizzat u professjonali.

b) Ehmeż dokument pdf bil‑lirika tal-kanzunetta miktuba b’Malti tajjeb u bit-tipa tal-Malti. Tiktibx ismijiet ta’ awturi, kompożituri jew kantanti f’dan id-dokument. Semmi dan il-fajl hekk: isem tal-kanzunetta_lirika

(ċ) Ehmeż scan (preferibilment pdf) tal‑applikazzjoni għall‑parteċipazzjoni, mimlija u ffirmata mill-awtur u l-kompożitur. Semmi dan il-fajl hekk: isem tal-kanzunetta_applikazzjoni

(d) Ħallas kontribuzzjoni ta’ €60 – Tista’ tħallas permezz tal-Paypal jew bank transfer. Fil-każ ta’ bank transfer, fil-“payment reference” ikteb isem il-kanzunetta. L-Għanja tal-Poplu jibgħat konferma li l-applikazzjoni ġiet milqugħa. F’każ ta’ diffikultà li tħallas bl-internet iktbilna minn qabel f’dan l-email: ghanjatalpoplu@gmail.com.

4. L-ELIMINATORJI

4.1 Il‑ġurija tal‑eliminatorja tiġġudika u se tagħmel enfasi qabelxejn fuq il‑kwalità tal‑lirika kif ukoll il‑melodija tal‑kanzunetti u r‑rabta ta’ bejniethom. F’dan l-istadju mhux mitlub recording demo ta’ kwalità professjonali.

4.2 Fl-ewwel eliminatorja, il-ġurija tagħżel numru ta’ kanzunetti semifinalisti minn fuq ir-rekording. Il-punti se jingħataw skont il-kriterji 2.4.

4.3 Għas-semifinali, ir-recording tal-backing vocals kif ukoll l-orkestrazzjoni jkunu bħalma se jkunu ppubblikati.

4.4 Fil-finali l-kanzunetti jridu jkunu interpretati minn kantanti differenti. Kantant/a jista’ jkanta sa żewġ kanzunetti fis-semifinali. F’każ li jkunu se jgħaddu ż-żewġ kanzunetti, il-ġurija tagħżel biss dik il-kanzunetta li tkun marret l-aħjar.

4.5 Iċ-chairperson tal-ġurija flimkien mal-ġurija jridu jassiguraw li s-serata finali tkun ta’ kwalità u jkun hemm varjetà.

4.6 Kanzunetta li tkun intgħażlet bħala finalista ma tistax tiġi rtirata mis‑serata finali jew mill-pubblikazzjoni uffiċjali tal‑festival.

5. IL‑FAŻI FINALI

5.1 Kull parteċipant (awtur, kompożitur u kantant) ta’ kanzunetta ppreżentata fis‑serata finali tal-festival għandu jkollu/ha sittax‑il sena jew iktar sat-30 ta’ Lulju 2022.

5.2 Fis‑serata finali, ilMalta Concert Orchestra se tkun għad‑dispożizzjoni ta’ dawk li jridu jagħmlu użu mis-servizz tagħha.

Il-finalisti jridu jiddikjaraw kif se tkun akkumpanjata l-kanzunetta. Jeżistu żewġ possibiltajiet:

Jew

(a) li l-parteċipanti jkantaw u jakkumpanjaw il‑kanzunetta huma stess waħedhom, u jsiru l-provi meħtieġa fejn tkun assigurata l-kwalità. F’każ li tieħu sehem band, din ma jkunx fiha iktar minn sitt persuni.

jew

(b) li l-kantant jkun akkumpanjat mill‑orkestra; u jekk ikun hemm bżonn jinkludi strument jew tnejn a spejjes tal-parteċipant stess.

F’kull każ, jekk ikun hemm bżonn tista’ tintuża l-click track.

5.3 L-arranġament tal-orkestra jista’ jsir mill-kompożitur innifsu jew mid-direttur tal-orkestra. L-orkestrazzjoni tkun ibbażata fuq ir-rikording finali tal-kanzunetta.

(a) Il-kumitat organizzattiv iħeġġeġ lill-kompożituri tal-kanzunetti finalisti sabiex l-orkestrazzjoni ssir minnhom stess. ** Ara nota dwar l-orkestrazzjoni fl-aħħar ta’ Sezzjoni 2.4 **

Jew

(b) li jipprovdu manuskritt tal-melodija bil-partitura tal-pjanu (piano score sheet) jew melodija bil-chords sas-7 ta’ Mejju 2022 u l-orkestrazzjoni ssir mid-direttur/i tal-orkestra. Id-diretturi tal-orkestra Pjazza Teatru Rjal ikollhom id-dritt jagħmlu kull tibdil u titjib meħtieġ fl-arranġamenti. F’kull każ ta’ orkestrazzjoni, l-aħħar deċiżjoni hija dik tal-kumitat organizzattiv.

5.4 Il-formazzjoni massima tal-orkestra (li dejjem tiddependi mir-regolamenti tas-saħħa) tkun din:

3 Trombi (1st, 2nd and 3rd Trumpets)

Sassofonu Tenur (Tenor Saxophone)

2 Sassofoni Alti (1st and 2nd Alto Saxophones)

2 Korni (1st and 2nd French Horns)

2 Trumbuni (1st and 2nd Trombones)

Pjanu (Piano)

1 Synth / Keyboard

2 Kitarri (2 Guitars – Acoustic or Electric)

Bass Guitar (Bass Guitar)

Drum Kit (Drum Kit)

Perkussjoni (Percussions)

Vjolini: primi u sekondi (1st and 2nd Violins)

Vjoli (Violas)

Vjolinċelli (Cellos)

6. APPUNTAMENTI

6.1

Mill-Ġimgħa 25 ta’ Frar sal-Ġimgħa 18 ta’ Marzu 2022 sal-10 pm – Sottomissjoni tal-kanzunetti online
Bidu ta’ April 2022 – Jitħabbru l-kanzunetti semifinalisti. Is-semifinalisti mitluba jibagħtu r-recorded backing format MP3 high quality fi żmien ġimgħa.
Mit-18 ta’ April sal-24 ta’ April 2022 – Is-semifinali – kanzunetti kantati live quddiem il-ġurija. Warajitħabbru l-finalisti.

– Is-semifinalisti jridu jibagħtu recorded backing tal-kanzunetta li jista’ jinkludi backing vocals.

Sat-30 ta’ April 2022 – Se jsiru laqgħat individwali dwar produzzjoni ta’ song videos. Il-finalisti mitluba jattendu u jikkooperaw mal-vidjografi. Is-song videos jittieħdu f’dati assenjati f’Mejju.
Sas-7 ta’ Mejju 2022 – Jintbagħtu r-radio version format wav għall-pubblikazzjoni tas-CD u videos tal-kanzunetti.

– Jintbagħtu wkoll il-‘piano score sheets’ tal-kanzunetti finalisti ta’ dawk il-parteċipanti li mhux se jipprovdu l-arranġament mużikali.
– Issir komunikazzjoni bejn id-diriġent tal-orkestra u l-kompożitur tal-kanzunetta.

Matul Ġunju 2022 – Sehem fi programmi fuq it-TV u r-Radju. Il-parteċipanti mitluba jjpparteċipaw.
Mit-Tnejn, 18 ta’ Lulju 2022 – Jibdew il-provi mal-orkestra.
Is-Sibt, 30 ta’ Lulju 2022 Il-finali tal-festival L-Għanja tal-Poplu

6.2 Il-finalisti jridu jkunu lesti li jieħdu sehem f’intervisti fuq diversi programmi fuq it-TV u r-radju, f’filmati u sessjonijiet ta’ ritratti li jittieħdu qabel il-festival, u fil-provi kollha u s-serata finali.

7. IS‑SERATI FINALI

7.1 Il‑kanzunetta li titkanta fil‑finali trid tkun l‑istess kanzunetta, fil‑lirika u l‑melodija, li tkun ġiet ippreżentata fl‑eliminatorja. Korrezzjonijiet fl‑istadju finali jistgħu jsiru bl‑approvazzjoni tal‑kumitat organizzattiv.

7.2 Filwaqt li wieħed għandu jippreżenta u jinterpreta l‑kanzunetta bl‑iktar mod xieraq għas‑suġġett, ta’ min ifakkar li l‑esaġerazzjoni fil‑moviment, fl‑ilbies, fiż‑żfin, fil‑mima, eċċ. tista’ taljena l‑attenzjoni tal‑udjenza mil‑lirika u l‑melodija, li huma l‑qofol tal‑kanzunetta. Fuq il-palk permessi biss kantanti u mużiċisti.

8. IL‑PREMJIJIET

8.1 Il-premjijiet lill‑awturi u l‑kompożituri tal‑kanzunetti kklassifikati fl‑ewwel tliet postijiet jikkonsisti fi trofew għall‑awtur, ieħor għall‑kompożitur u trofew ieħor lill‑kantant/a, kif ukoll:

  • €1500 lill‑kanzunetta kklassifikata fl‑ewwel post rebbieħa ta’ L-Għanja tal-Poplu;
  • € 800 lill‑kanzunetta kklassifikata fit‑tieni post;
  • € 500 lill‑kanzunetta kklassifikata fit‑tielet post.

8.2 L‑awtur u l‑kompożitur tal‑kanzunetta rebbieħa tal-festival jingħatalhom it‑trofew L‑Għanja tal‑Poplu li jinżamm sal‑edizzjoni tal‑festival ta’ wara.

8.3 Il-premjijiet jinkludu wkoll:

  • trofew lill‑kantant/a jew grupp b’ L-Aħjar Interpretazzjoni;
  • trofew għall‑Kanzunetta bl-Aħjar Tema Soċjali;
  • trofew: għall-Aħjar Kantawtur fis-serata finali.

(*Għall-iskop ta’ dan il-festival KANTAWTUR tfisser “persuna /grupp li jinterpreta kanzunetta bi kliem u mużika tal-persuna / grupp stess”)

9. IL‑PUBBLIĊITÀ U S‑CD TAL‑FESTIVAL

9.1 L-Għanja tal-Poplu jżomm id‑dritt li jxandar u jippubblika l-kanzunetti u r-recordings tal-festival. Id‑drittijiet tal‑kanzunetta jkunu ta’ L-Għanja tal-Poplu flimkien mal‑awturi u kompożituri. F’każ ta’ pubblikazzjonijiet, il-kompożituri u l-awturi għandhom jagħtu kreditu lil L-Għanja tal-Poplu.

9.2 Bħal kull sena, il‑kumitat tal‑festival jippubblika CD/USB uffiċjali tal‑festival bil‑kanzunetti finalisti kollha. Ir‑recording radio version ta’ dawn il‑kanzunetti jrid ikun lest sas-7 ta’ Mejju 2022. Il-ħsieb huwa li dawn ir-rikordings jintużaw fuq il-media soċjali, fuq Soundcloud, Spotify u fuq is-sit tal-festival.

9.3 L‑organizzaturi tal‑festival ikollhom id‑dritt jinkludu l‑kanzunetti finalisti fis‑CD/USB tal‑festival u jbigħu s‑CD/USB, u jxandru l-kanzunetti u videos tagħhom fuq il-mezzi tal-media u fuq l-internet.

  1. NOTA FINALI

Dawn ir‑regolamenti huma suġġetti għal tibdiliet mill‑kumitat L‑Għanja tal‑Poplu. Id‑deċiżjonijiet tal‑bord ta’ L-Għanja tal-Poplu u taċ-Chairperson tal-ġurija huma finali.

­­Is‑sehem tiegħek f’dan il‑festival għandu jkun esperjenza pożittiva għall‑karriera tiegħek. Għalhekk inħeġġuk tipparteċipa. Jekk għandek xi mistoqsija jew diffikultà, nistednuk tikkuntattjana permezz tal-email info@ghanjatalpoplu.org . Min‑naħa tagħna, se nżommuk aġġornat/a b’dak li jkun qed jiġri permezz tas-sit www.ghanjatalpoplu.org u facebook: ghanjatalpoplu

Jekk għandek xi ħbieb li jista’ jinteressahom li jieħdu sehem fil‑festival, ħajjarhom jipparteċipaw.

© L-GĦANJA TAL-POPLU (2022)