Teditja, tipprintjha, tiffirmha u tiskenjha

Tipprintjha , timlijha b’idejk u tiskenjha

L-GĦANJA TAL-POPLU

Ir-Regolamenti
Is-47 Edizzjoni (2023)
L-Għanja tal-Poplu 1973 – 2023 (VO/574)
Nistednuk tipparteċipa
fis-47 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija
Is-Sibt 5 ta’ Awwissu 2023 fi Pjazza Teatru Rjal
bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra.
L-Għanja tal-Poplu qed jittella’ b’kollaborazzjoni ma’ Pjazza Teatru Rjal u huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti.

1. IL-FESTIVAL

1.1 Il-festival L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija huwa festa ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti, interpretati u akkumpanjati live bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra.

Il-festival hu organizzat mill-għaqda L-Għanja tal-Poplu bil-kollaborazzjoni tal-Malta Concert Orchestra u ta’ Pjazza Teatru Rjal. L-Għanja tal-Poplu huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti.

1.2 L-għanijiet ewlenin tal-festival huma:

(a) li jġib ’il quddiem il-kanzunetta Maltija ta’ kwalità;
(b) li joħloq opportunità biex il-kompożituri u l-awturi jwasslu l-kanzunetta tagħhom lill-pubbliku Malti;
(ċ) li, anke wara l-festival, ikompli jgħin lill-artisti Maltin isibu udjenza dejjem ikbar għall-kanzunetta tagħhom.

1.3 Il-festival jiżvolġi fi tliet fażijiet:

(a) l-ewwel fażi tal-għażla, li fiha mill-kanzunetti kollha sottomessi jintgħażlu numru ta’ semifinalisti;
(b) it-tieni fażi tal-għażla, li fiha jinstemgħu l-kanzunetti semifinalisti live, u minnhom jintgħażlu l-kanzunetti finalisti;
(ċ) is-serata finali, L-Għanja tal-Poplu, li se ssir is-Sibt 5 ta’ Awwissu 2023, fejn jitħabbru r-rebbieħa.

2. IL-KANZUNETTI

2.1 Biex jidħlu għall-festival il-kanzunetti jridu jkunu:

(a) oriġinali, jiġifieri l-lirika u l-mużika tagħhom qatt ma jkunu ġew ippubblikati jew imxandra;
(b) b’lirika bil-Malti;
(ċ) mhux itwal minn tliet minuti u ħamsa u erbgħin sekonda.

2.2 It-tema tal-kanzunetta hija libera, jiġifieri l-awtur jista’ jikteb fuq dak li jrid.

Dan il-festival jinkoraġġixxi l-kitba ta’ kanzunetti ta’ kwalità li jesprimu l-ħsibijiet, l-esperjenzi, il-gosti, ix-xewqat, ir-relazzjonijiet u l-aspirazzjonijiet kemm fuq bażi personali, kemm bħala poplu fuq din il-gżira, kemm bħala ċittadini tad-dinja. Kanzunetti b’tema ta’ mħabba jew ħbiberija, umoristiċi jew satiriċi, eċċetra, għandhom ukoll post f’dan il-festival. Napprezzaw kanzunetti ġenwini li jesprimu l-esperjenzi u s-sentimenti tal-awtur.

2.3 L-istil mużikali huwa liberu.

Il-lingwa Maltija tadatta ruħha sew biex tkun interpretata b’diversi stili mużikali. Tajjeb għaldaqstant li wieħed jesplora idjomi u stili ġodda u innovattivi.

2.4 Dawn il-kriterji se jintużaw mill-ġurija waqt l-aġġudikazzjoni tagħhom u għandhom ukoll jgħinu sabiex wieħed jikteb kanzunetta ta’ kwalità:

Dawn il-kriterji se jintużaw mill-ġurija waqt l-aġġudikazzjoni tagħhom u għandhom ukoll jgħinu sabiex wieħed jikteb kanzunetta ta’ kwalità:

• Il-kanzunetta għandha ħsieb ċar u magħqud,
• Il-kanzunetta mqassma sew f’dawk li huma versi, chorus eċċ. Dan ma jeskludix forom differenti minn tas-soltu.
• Il-kliem tal-kanzunetta jinftiehem u ma jkunx maħnuq mill-mużika(attenzjoni għall-aċċent tal-kelma kemm waqt il-kitba tal-kanzunetta kif ukoll fl-interpretazzjoni).

• Il-kliem iqanqal l-emozzjoni tas-semmiegħ
• Il-kliem tista’ tkantah u memorabbli
• Il-kliem imqiegħed tajjeb flimkien

• Il-mużika u l-melodija jżidu l-emozzjoni tal-kanzunetta
• Il-mużika żżomm lis-semmiegħ interessat u involut
• Il-melodija hija tal-widna u tibqa’ tiftakarha

• Il-kliem u l-mużika mżewġin sew flimkien
• Il-kanzunetta tesprimi t-tema b’mod frisk u ġdid
• Il-kanzunetta tappella għall-poplu

Nota:

Dwar l-arranġament mużikali, m’hemmx għalfejn li jintużaw l-istrumenti kollha provduti fl- orkestra jew kompjuter. Kultant l-użu ta’ strument/i li jispikka/w jagħti/u karattru lill-kanzunetta, strumenti oħra jekk hemm bżonn jistgħu jintużaw fl-isfond. Fl-istess ħin, il-kliem għandu jinstema’ ċar u jinftiehem, u m’għandux ikun midfun fil-mużika.

2.5 Il-kanzunetti b’tema vulgari u/jew ta’ propaganda partiġġjana ma jiġux aċċettati.

2.6 Persuni involuti fl-organizzazzjoni tal-festival kif ukoll id-diretturi tal-orkestra ma jistax ikollhom sehem fil-kanzunetti li se jkunu sottomessi fil-festival.

3. IS-SOTTOMISSJONI TAL-KANZUNETTI

Is-sottomissjoni tal-kanzunetti se tkun online. mit-Tnejn 20 ta’ Marzu sal-Ħamis 13 ta’ April sat-8pm.

Fil-kas li tiġi bżonn estensjoni, ikkuntatjana qabel it-13 ta’ April, 2023 fuq 99882646 biex tingħata permess għal estensjoni sa mhux iktar tard mid-19 ta’ April. Il-ħlas tas-sottomissjoni wara it-13 ta’ Apil 2023 ikun ta’ €80 flok €60.

Biex tissottometti kanzunetta, imxi ma’ dawn l-istruzzjonijiet:

Idħol fil-link tal-applikazzjonijiet u segwi l-istruzzjonijiet. Semmi kull fajl f’a, b u ċ hawn taħt) bl-isem tal-kanzunetta.

a) Ehmeż fajl tal-kanzunetta format mp3 bil-vuċiji/iet. Semmi dan il-fajl hekk: isem talkanzunetta.mp3 (isem tal-kanzunetta.mp3)

F’dan l-istadju r-recording mhux bilfors ikun wieħed finalizzat u professjonali.

b) Ehmeż dokument pdf bil-lirika tal-kanzunetta miktuba b’Malti tajjeb u bit-tipa tal-Malti. Tiktibx ismijiet ta’ awturi, kompożituri jew kantanti f’dan id-dokument. Semmi dan il-fajl hekk: isem tal-kanzunetta_lirika

ċ) Ehmeż scan (preferibilment pdf) tal-applikazzjoni għall-parteċipazzjoni, mimlija u ffirmata mill-awtur u l-kompożitur. Semmi dan il-fajl hekk: isem tal-kanzunetta_applikazzjoni

d) Ħallas kontribuzzjoni ta’ €60 – Tista’ tħallas permezz tal-Paypal jew bank transfer. Fil-każ ta’ bank transfer, fil-“payment reference” ikteb l-isem tal-kanzunetta. L-Għanja tal-Poplu jibgħat konferma li l-applikazzjoni ġiet milqugħa. F’każ ta’ diffikultà li tħallas bl-internet iktbilna minn qabel f’dan l-email: ghanjatalpoplu@gmail.com.

4. L-ELIMINATORJI

4.1 Il-ġurija tal-eliminatorja tiġġudika u se tagħmel enfasi qabelxejn fuq il-kwalità tal-lirika kif ukoll il-melodija tal-kanzunetti u r-rabta ta’ bejniethom. F’dan l-istadju mhux mitlub recording demo ta’ kwalità professjonali.

4.2 Fl-ewwel eliminatorja, il-ġurija tagħżel numru ta’ kanzunetti semifinalisti minn fuq ir-rekording. Il-punti se jingħataw skont il-kriterji f’2.4.

4.3 Għas-semifinali, ir-recording tal-backing vocals kif ukoll l-orkestrazzjoni jkunu bħalma se jkunu ppubblikati fil-finali.

4.4 Fil-finali l-kanzunetti jridu jkunu interpretati minn kantanti differenti. Kantant/a jista’ jkanta sa żewġ kanzunetti fis-semifinali. F’każ li jkunu se jgħaddu ż-żewġ kanzunetti, il-ġurija tagħżel biss dik il-kanzunetta li tkun marret l-aħjar.

4.5 Iċ-chairperson tal-ġurija flimkien mal-ġurija jridu jassiguraw li s-serata finali tkun ta’ kwalità u jkun hemm varjetà.

4.6 Kanzunetta li tkun intgħażlet bħala finalista ma tistax tiġi rtirata mis-serata finali jew mill-pubblikazzjoni uffiċjali tal-festival.

5. IL-FAŻI FINALI

5.1 Kull parteċipant (awtur, kompożitur u kantant) ta’ kanzunetta ppreżentata fis-serata finali tal-festival għandu jkollu/ha sittax-il sena jew iktar sat-5 ta’ Awwissu 2023.

5.2 Fis-serata finali, il-Malta Concert Orchestra se tkun għad-dispożizzjoni ta’ dawk li jridu jagħmlu użu mis-servizz tagħha. Il-finalisti jridu jiddikjaraw kif se tkun akkumpanjata l-kanzunetta. Jeżistu żewġ possibiltajiet:

Jew

a) li l-parteċipanti jkantaw u jakkumpanjaw il-kanzunetta huma stess waħedhom, u jsiru l-provi meħtieġa fejn tkun assigurata l-kwalità. F’każ li tieħu sehem band, din ma jkunx fiha iktar minn sitt persuni.

jew

b) li l-kantant jkun akkumpanjat mill-orkestra; u jekk ikun hemm bżonn jinkludi strument jew tnejn a spejjes tal-parteċipant stess.

5.3 L-arranġament tal-orkestra jista’ jsir mill-kompożitur innifsu jew mid-direttur tal-orkestra. L-orkestrazzjoni tkun ibbażata fuq ir-rikording finali tal-kanzunetta.

(a) Il-kumitat organizzattiv iħeġġeġ lill-kompożituri tal-kanzunetti finalisti sabiex l-orkestrazzjoni ssir minnhom stess. ** Ara nota dwar l-orkestrazzjoni fl-aħħar ta’ Sezzjoni 2.4 ** Jew

(b) li jipprovdu manuskritt tal-melodija bil-partitura tal-pjanu (piano score sheet) jew melodija bil-chords sal-31 ta’ Mejju 2023 u l-orkestrazzjoni ssir mid-direttur/i tal-orkestra. Id-diretturi tal-orkestra Pjazza Teatru Rjal ikollhom id-dritt jagħmlu kull tibdil u titjib meħtieġ fl-arranġamenti. F’kull każ ta’ orkestrazzjoni, l-aħħar deċiżjoni hija dik tal-kumitat organizzattiv.

5.4 Il-formazzjoni massima tal-orkestra tkun din:

3 Trombi (1st, 2nd and 3rd Trumpets)
Sassofonu Tenur (Tenor Saxophone)
2 Sassofoni Alti (1st and 2nd Alto Saxophones)
2 Korni (1st and 2nd French Horns)
2 Trumbuni (1st and 2nd Trombones)
Pjanu (Piano)
1 Synth / Keyboard
2 Kitarri (2 Guitars – Acoustic or Electric)
Bass Guitar (Bass Guitar)
Drum Kit (Drum Kit)
Perkussjoni (Percussions)
Vjolini: primi u sekondi (1st and 2nd Violins)
Vjoli (Violas)
Vjolonċelli (Cellos)

6. APPUNTAMENTI

6.1

Mit-Tnejn 20 ta’ Marzu sal-Ħamis 13 t’April 2023 sat-8 p.m : Sottomissjoni tal-kanzunetti online fuq mis-sit www.ghanjatalpoplu.org/regolamenti2023

Sal-25 t’April 2023 : Jitħabbru l-kanzunetti semifinalisti.

Bejn it-12 u sal-17 ta’ Mejju 2023 : Is-semifinali – kanzunetti kantati live quddiem il-ġurija. Wara jitħabbru l-finalisti. Is-semifinalisti jridu jibagħtu recorded backing tal-kanzunetta li jista’ jinkludi backing vocals.

Mill-15 ta’ Mejju sat-28 ta’ Mejju : jintbagħtu l-‘piano score sheets’ tal-kanzunetti finalisti ta’ dawk il-parteċipanti li mhux se jipprovdu l-arranġament mużikali. Issir komunikazzjoni bejn id-diriġent tal-orkestra u l-kompożitur tal-kanzunetta.

Sat-3 ta’ Ġunju 2023 : Jintbagħtu r-radio version format wav għall-pubblikazzjoni.

Matul Ġunju u Lulju 2023 : Sehem fi programmi fuq it-TV u r-Radju. Il-finalisti mitluba jjpparteċipaw.

Mit-Tnejn 31 ta’ Lulju 2023 : Jibdew il-provi mal-orkestra

Il-Ġimgħa 4 ta’ Awwissu 2023 : Il-prova ġenerali bil-ġurija popolari preżenti

Is-Sibt, 5 ta’ Awwissu 2023 : Is-serata finali tal-Għanja tal-Poplu 2023.

6.2 Il-finalisti jridu jkunu lesti li jieħdu sehem f’intervisti fuq diversi programmi fuq it-TV u r-radju, f’filmati u sessjonijiet ta’ ritratti li jittieħdu qabel il-festival, u fil-provi kollha u s-serata finali.

7. IS-SERATI FINALI

7.1 Il-kanzunetta li titkanta fil-finali trid tkun l-istess kanzunetta, fil-lirika u l-melodija, li tkun ġiet ippreżentata fl-eliminatorja. Korrezzjonijiet fl-istadju finali jistgħu jsiru bl-approvazzjoni tal-kumitat organizzattiv.

7.2 Filwaqt li wieħed għandu jippreżenta u jinterpreta l-kanzunetta bl-iktar mod xieraq għas-suġġett, ta’ min ifakkar li l-esaġerazzjoni fil-moviment, fl-ilbies, fiż-żfin, fil-mima, eċċ. tista’ taljena l-attenzjoni tal-udjenza mil-lirika u l-melodija, li huma l-qofol tal-kanzunetta. Fuq il-palk permessi biss kantanti u mużiċisti.

8. IL-PREMJIJIET

8.1 Il-premjijiet lill-awturi u l-kompożituri tal-kanzunetti kklassifikati fl-ewwel tliet postijiet jikkonsisti fi trofew għall-awtur, ieħor għall-kompożitur u trofew ieħor lill-kantant/a, kif ukoll:

• €1500 lill-kanzunetta kklassifikata fl-ewwel post rebbieħa ta’ L-Għanja tal-Poplu;

• € 800 lill-kanzunetta kklassifikata fit-tieni post;

• € 500 lill-kanzunetta kklassifikata fit-tielet post.

8.2 L-awtur u l-kompożitur tal-kanzunetta rebbieħa tal-festival jingħatalhom it-trofew L-Għanja tal-Poplu li jinżamm sal-edizzjoni tal-festival ta’ wara.

8.3 Il-premjijiet jinkludu wkoll:

• trofew lill-kantant/a jew grupp b’ L-Aħjar Interpretazzjoni;

• trofew għall-Kanzunetta bl-Aħjar Tema Soċjali;

• trofew: għall-Aħjar Kantawtur fis-serata finali.

(*Għall-iskop ta’ dan il-festival KANTAWTUR tfisser “persuna /grupp li jinterpreta kanzunetta bi kliem u mużika tal-persuna / grupp stess”)

9. IL-PUBBLIĊITÀ U S-CD TAL-FESTIVAL

9.1 L-Għanja tal-Poplu jżomm id-dritt li jxandar u jippubblika l-kanzunetti u r-recordings tal-festival. Id-drittijiet tal-kanzunetta jkunu ta’ L-Għanja tal-Poplu flimkien mal-awturi u kompożituri. F’każ ta’ pubblikazzjonijiet, il-kompożituri u l-awturi għandhom jagħtu kreditu lil L-Għanja tal-Poplu.

9.2 L-organizzaturi tal-festival ikollhom id-dritt jippblikaw il-kanzunetti , u jxandru l-kanzunetti u videos tagħhom fuq il-mezzi tal-media ufuq il-media soċjali, fuq Spotify, Youtube Music, u pjattaformi mużikali oħra, u fuq is-sit tal-festival.

10. NOTA FINALI

Dawn ir-regolamenti huma suġġetti għal tibdiliet mill-bord L-Għanja tal-Poplu. Id-deċiżjonijiet tal-bord ta’ L-Għanja tal-Poplu u taċ-Chairperson tal-ġurija huma finali. Bħala organizzazzjoni normalment nibgħatu il-marki u l-kummenti tal-ġurija dwar il-kanzunetti sottomessi lilmin jitlobhomna.

Is-sehem tiegħek f’dan il-festival għandu jkun esperjenza pożittiva għall-karriera tiegħek. Għalhekk inħeġġuk tipparteċipa. Jekk għandek xi mistoqsija jew diffikultà, nistednuk tikkuntattjana permezz tal-email ghanjatalpoplu@gmail.com . Min-naħa tagħna, se nżommuk aġġornat/a b’dak li jkun qed jiġri permezz tas-sit www.ghanjatalpoplu.org u facebook: ghanjatalpoplu

Jekk għandek xi ħbieb li jista’ jinteressahom li jieħdu sehem fil-festival, ħajjarhom jipparteċipaw.

© L-GĦANJA TAL-POPLU (2023)

W: www.ghanjatalpoplu.org E: info@ghanjatalpoplu.org

T: 21683761 M: 79923522