Riflessi

Kliem: Anna Maria Sammut
Mużika: Mark Spiteri Lucas
Tkanta: Leontine
Isma' parti qasira:

lx-xemx daħlet tistrieħ
u l-lejl ħa post il-jum,
orkestra ta' kwiekeb qed iddoqq,
tħeġġeġ lill-qamar iqum.

Fil-bogħod hemm għar rieqed fis-skiet,
bil-baħar jinnamra mal-blat
imellsu w jgħarxu b'subgħajh bellusin
jaqsam miegħu xi storia li ġrat.

U magħhom marbuta
hemm dgħajsa ta' lwien,
iċċafċaf waħidha,
bla qatt tlissen kliem.

Min jaf x'hemm mistur, fid-dalma ta' skiet?
Min jaf x'hemm mistur, f'dil-qalb li sofriet?
Min jaf kemm għenet Maltin fil-ħidmiet?
Mal-qilla tal-mewġ, min jaf kemm batiet?

Matul il-jum kollu,
dieħla w ħierġa mill-għar;
tiftaħar u mkabbra bil-ħidma tal-jum,
imżejna bil-fidda tal-qtar.

Tistenbaħ, titmattar mas-sebħ,
b'moqdiefa tofroq il-mewġ bil-mod.
Bix-xemx ii ssebbaħ ilwienha bla qies,
'il barra tgħum, tintilef fil-bogħod.

U tiżfen u togħla,
mar-ritmu, mal-ħin.
Sultana tal-baħar,
b'ilbies l-aktar fin.

Min jaf x'hemm mistur, fid-dalma ta' skiet?
Min jaf x'hemm mistur, f'dil-qalb li sofriet?
Min jaf kemm għenet Maltin fil-ħidmiet?
Mal-qilla tal-mewġ, min jaf kemm batiet?

U meta d-dawl, għad-dgħajsa jsir dlam,
għalxejn jistennewha l-baħar u l-blat.
Tistaħba wahidha, 'il bogħod mit-tiġrib.
Tistrieħ, tistenna l-waqt...

Min jaf x'hemm mistur, fid-dalma ta' skiet?
Min jaf x'hemm mistur, f'dil-qalb li sofriet?
Min jaf kemm għenet Maltin fil-ħidmiet?
Mal-qilla tal-mewġ, min jaf kemm batiet?