Kif Niftaħ Għajnejja

Kliem: Paul Ellul
Mużika: Mark Spiteri Lucas
Tkanta: Leontine Camilleri
Isma' l-kanzunetta:

Fis-sikta ta' darhom inħabbu
u qalu kliem ħelu 'l xulxin
u wiegħdu mħabbithom bil-għożża
kif jafu jitkellmu l-bnedmin.

U għext ħajja komda f'ġuf ommi
nitrejjaq u ngħanni fil-kwiet
nitrekken u nibgħat messaġġi
ta' ferħ, ta' tbissim u ta' skiet.

Dalwaqt se nsib ruħi hemm barra
dalwaqt se nsib ruħi f'xi dar
nispera li jkolli l-wens tagħkom
nispera l'hemm barra m'hemmx ċpar.

Kif niftaħ għajnejja
għiduli x'se nsib
hux dinja ta' paċi
hux dinja ta' krib.

Kif niftaħ għajnejja
għiduli x'se nsib
hux għadu li jeqred
hux id ta' ħabib.

Nixtieq nisma' l-għanja ferrieħa
ta' sħabi jitgħannqu flimkien
nixtieq nara l-fjuri jinfetħu
u lwienhom isebbħu l-widien.

Nixtieq nara għasafar jittajru
u jibnu bejtiet kullimkien
nixtieq nilmaħ friefet mill-isbaħ
fuq siġra, fid-daħla tal-ġnien.

Kif niftaħ għajnejja...

Kliem fieragħ tgħidux kif tarawni
iżd'agħtu eżempji tajbin
biex ħajti tkun waħda ferħana
u ngħixu fil-paċi w henjin.

Kif niftaħ għajnejja...