Dan l-Aħħar

Kliem: Walter Micallef
Mużika: Walter Micallef
Ikanta: Walter Micallef

Dan l-aħħar sirt tittardja filgħaxija,
b'xi skuża lesta x'ħin jiena nistaqsik.
Ma nafx jekk hix il-fwieħa inkela dan il-ħsieb,
biss dan l-aħħar qed nistenna wara l-bieb

U kieku taf kemm qed itkun bi tqila
li nagħlaq għajn ma' għajn u nisraq ftit mistrieħ,
għax dan l-aħħar x'ħin kont rieqda tennejt minn taħt l-ilsien,
u naħlef li dak li sejjaħt mhux jien.

Jisbaħ għada w ngħid li kienet ħolma kerha
Spiss insibni qed niċċassa ġewwa l-mera.
Da'l-ħitan m'għadhomx jagħtuni kenn
Spiċċat il-ġenna w beda l-infern;
il-ġamra ntfiet u baqa' biss l-irmied.

Dan l-aħħar ħsibt li għandi mnejn ngħaġġibhom,
imbgħad it-telefon reġa' daqq għal xejn.
Nixtieq minn qalbi nemmnek, li kien numru ħażin
'żda kemm se ddum issib skuża bħal din?

Jisbaħ għada w ngħid li kienet ħolma kerha
Spiss insibni qed niċċassa ġewwa l-mera.
Da'l-ħitan m'għadhomx jagħtuni kenn
Spiċċat il-ġenna w beda l-infern;
il-ġamra ntfiet u baqa' biss l-irmied.