Taparsi

Kliem: Joe Julian Farrugia
Mużika: Rene Mamo
Ikanta: Mark Tonna

Qed ngħixu f'soċjetà konformista,
kollox jgħaddi mar-riħ.
Intilef kull valur li x-xjuħ tagħna
tant iġġieldu għalih.
Taparsi li dan kollu progress:
"Mhux sew li nibqgħu dejjem l-istess"
U l-proxxmu baqa' biss biex minn fuqu
tista' tagħmel il-qliegħ.

Il-ħajja saret ġirja ta' regħba,
xħetna ż-żiffa fil-qlugħ,
tellieqa li biex tirbaħ, bilfors
trid tnejn jew aktar uċuħ.
Taparsi għandna l-liġi fuq ktieb,
Jaqbillek illi jkollok il-ħbieb.
Iħawwel min hu l-aqwa
u d-dgħajjef jibqa' jħares miblugħ

Maskri qed jimlew ħajjitna b'ħafna assurdità
Ninbidlu kif jaqblilna, dejjem naħbu l-verità
Ninqdew bl-iskuża fiergħa li din hija l-libertà
Taparsi li hekk drajna, kuntenti ngħixu f'dal-karnival.

Il-Ħadd jew nhar ta' Sibt filgħaxija immorru kollha l-quddies
kif jixraq, nersqu qisna familja, indandnu l-isbaħ ilbies.
Taparsi nsiru lkoll qaddisin
Erħilna nagħtu l-paċi 'l xulxin.
Imbgħad miz-zuntier 'l isfel inqasqsu, nqarrqu, ngħidu bin-nies.

Maskri qed jimlew ħajjitna b'ħafna assurdità
Ninbidlu kif jaqblilna, dejjem naħbu l-verità
Ninqdew bl-iskuża fiergħa li din hija l-libertà
Taparsi li hekk drajna, kuntenti ngħixu f'dal-karnival.